'Din l-emenda mhux bieb se tiftaħ imma runway biex jiddaħħal l-abort f'Malta' - Miriam Sciberras

Il-Life Network Foundation flimkien ma' Doctors for Life jorganizzaw protesta sabiex l-emenda li ressaq il-Gvern dwar it-tqala tinbidel...

Il-folla kbira ta' nies li attendew id-dimostrazjoni favur il-ħajja
Il-folla kbira ta' nies li attendew id-dimostrazjoni favur il-ħajja

Folla kbira ta' nies inġabret fil-Belt Valletta u qed tipprotesta kontra l-Emenda li qed iressaq il-Gvern u li qed jgħid illi se tippermetti abort meta ħajjet jew saħħet l-omm tkun 'f'periklu gravi' bl-Oppożizzjoni u mijiet ta' professjonisti u tobba jisħqu li l-emenda kif imressqa mhijiex ċara biżżejjed, anzi hija miftuħa għall-interpretazzjoni li tista' twassal biex l-abort ikun jista' jsir fi kwalunkwe każ. 

Ilbieraħ u anke dalgħodu l-Prim Ministru indika li jista' jkun hemm tibdiliet fl-emenda, iżda għamilha ċara li l-prinċipju li saħħet il-mara tkun issalvagwardjata għandha tibqa' sagrosanta u li allura l-prinċipji tal-emenda mhux se jinbidlu. L-Oppożizzjoni Nazzjonalista qed tisħaq li din l-Emenda għandha saħansitra tiġi irtirata. 

Ritratt: Mediatoday
Ritratt: Mediatoday
Ritratt: Mediatoday
Ritratt: Mediatoday

Il-kritika ta' bosta tobba u professjonisti u anke tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija li l-emenda - filwaqt li fil-prinċipju hija tajba - hija wisq vaga u tħalli wisq spazju għall-interpretazzjoni, xi ħaġa li fil-fatt tista' twassal biex jinfetaħ l-abort għal kull ċirkostanza. Anke l-President tar-Repubblika George Vella kien irrapportat illi mhux komdu b'din l-emenda kif inhi u kien qed jindika wkoll li jaf ikollu jirriżenja sabiex ma jiffirmahiex.

'Mhux se nieqfu hawn' - Miriam Sciberras

Miriam Sciberras - Mill-Life NetworkFoundation - qalet illi kieku kellna l-abort ħafna minna "ma konniex inkunu hawn" u qalet ukoll illi l-abort joqtol. "Dan ngħidu b'dieqa, hekk kif lejliet il-Milied tfaċċat emenda mgħaġġla u bla diskussjoni. Ħasbu li se jsibuna illoppjati, imma nfakkar li l-abort huwa mewt u ma nilludux ruħna. Dan ir-rigal li rridu nagħtu lill-poplu Malti u Għawdxi?" staqsiet rettorikament Sciberras. "Abort jonqosna biex jinqered il-poplu Malti," qalet hekk kif fakkret illi r-rata tat-twelid huwa fost l-inqas fl-Ewropa. 

Sciberras qalet li hi taqbel li tkun protetta l-mara, imma saħqet illi fl-emenda it-tarbija ma teżistix. "Mela allura x'inhu l-iskop ta' din l-emenda? Kliem vag u miftuħ li ma jagħtix ċertezza u serħan il-moħħ," qalet Sciberras. "Din l-emenda mhux bieb se tiftaħ, imma runway biex jiddaħħal l-abort f'Malta," qalet Miriam Sciberras. 

Miriam Sciberras. Ritratt: Mediatoday
Miriam Sciberras. Ritratt: Mediatoday

Hija kompliet tispjega li Life Network Foundation trid emenda serja li ssalva ħajjet in-nies u li tagħti każ lin-nisa fil-ġuf, imma wkoll li l-proċess isir mingħajr għaġġla. "X'inhi l-għaġġla?" staqsiet Sciberras. Hija implikat b'mistoqsija - li d-deċiżjoni tal-Gvern illum tista' twassal biex tagħmel differenza lill-każ li fetħet Andrea Prudente kontra l-Gvern Malti. .

Hija qalet li s-soluzzjoni għandha tinkludi lit-tarbija wkoll. "Għaddejna tant liġijiet u pproteġejna tant minoranzi, liġijiet li jipproteġu l-annimali u l-bajd tal-fekruna - u tajjeb dan - imma allura uliedna fil-ġuf żejda? Ma jiswewx daqs bajda ta' ferkurna uliedna?" 

Ritratt: Mediatoday
Ritratt: Mediatoday
Ritratt: Mediatoday
Ritratt: Mediatoday

Hija qalet illi fuq din il-kwistjoni ma hemmx blu, aħmar, aħdar jew isfar imma hemm il-ħajja u għaddiet messaġġ: "Se ngħaddi messaġġ ċar. Mhux se nieqfu hawn u se niddefendu lit-tarbija u nappellaw sabiex il-Gvern jieqaf u jiddiskuti. Imma ma aħna qed neskludu xejn!"

'L-emenda ma sserailniex moħħna li mhux dieħel l-abort' - Marie Louise Coleiro Preca

Meta kienet qed tindirzza folla ta' eluf ta' nies illejla li attendew dimostrazjoni "favur il-ħajja" l-President Emeritus Marie Louise Coleiro Preca qalet illi bi u żewġha jinsabu ferm imħassbin bl-emendi li ressaq il-Gvern dwar it-tqala u filwaqt li ċċarat li hija taqbel mal-kunċett u l-prinċipju tagħhom, sostniet ukoll li "din l-emenda kif inhi ma sserraħx moħħ in-nies li mhux dieħel l-abort." Coleiro Preca sostniet illi għaliha l-ħajja ma għandhiex kulur politiku u lanqas dimensjoni reliġjuża, imma hija kunċett fundamentali u valur suprem, kemm jekk hija l-ħajja tal-imwieled jew  fik fil-ġuf. 

Coleiro Preca sostniet li hija dejjem kellha ċerta kburija meta tkun barra minn pajjiżna li tgħid illi Malta tgħożż il-valur tal-ħajja. Il-President Emeritus għalhekk saħqet illi fi kwistjonijiet bħal dawn l-affarijiet għandhom ikunu ċari u mhux miftuħin għall-interpretazzjoni. 

Marie Louise Coleiro Preca u żewġha Edgar
Marie Louise Coleiro Preca u żewġha Edgar
Veronica Bartolo
Veronica Bartolo

'L-abort mhuwiex is-soluzzjoni' - Veronica Bartolo

Il-Pedjatra Veronica Bartolo qalet illi kull ħajja ġdida għandha d-dritt għall-ħajja u li għalkemm il-ħajja mhix dejjem ward u żgħar - u mara taf tgħaddi minn problemi bħal kriżijiet, abbużi jew saħansitra stupru - "l-abort mhuwiex is-soluzzjoni." Hija qalet illi s-soluzzjonjijiet li jistgħu jidhru sempliċi, mhumiex neċessarjament dawk tajbin. 

"issejħilha x'issejħilha, tarbija fil-ġuf tibqa' bniedem u bl-abort insikktu lit-tarbija li ma twelditx," sostniet li appellat għal diskussjoni dwar l-emenda. 

'Il-ħajja nsolvuhiex bil-mewt' - Maria Formosa

Maria Formosa - li fil-fatt kienet l-ewwel kelliema - qalet illi l-abort dejjem ifisser telf ta' ħajja u minkejja kull problema li jista' jkun hemm, l-abort mhux is-soluzzjoni. "Il-ħajja ma nsolvuhiex bil-mewt... aħna hawn u l-maġġoranza taż-żgħażagħ għandna dmir insemmgħu leħinna u nitkellmu għat-tarbija li ma għandhiex vuċi," sostniet  iż-żagħżugħa. 

"Qed niġġieldu kontra riżorsi, flus u poter," qalet filwaqt li sostniet illi la ż-żgħażagħ jiġġieldu għal tant affarijiet l-istess żagħżagħ kif jistgħu ma jiġġildux għall-ħajja?" qalet lill-folla preżenti. 

X'qalu l-450 tabib u professjonist?

Ittra ffirmata minn 450 tabib u professjonist qalet illi kif inhi miktuba l-emenda se tiġi interpretata b’mod laxk u allura li tippermetti l-abort għal kwalunkwe raġuni, fi kliemhom ‘abortion on demand’

Spjegaw kif il-frażi fl-emenda proposta mill-Gvern li speċifikament tippermetti li tintemm tqala fejn hemm riskju ta’ periklu għas-saħħa hi tal-akbar tħassib għalihom.

“Din it-terminoloġija hija vaga wisq u sfortunatament wasslet għall-introduzzjoni tal-abort għal kwalunkwe raġuni f’diversi pajjiżi, l-ewwel fosthom ir-Renju Unit fl- 1967. Dan minħabba d-definizzjoni ħolistika tal-kelma ‘saħħa’, li tinkludi s-saħħa mentali u l-benessri,” qalu t-tobba.

Għalhekk huma qed jappellaw biex il-klawżola emendata tkun tgħid hekk:

‘Ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta l- mewt ta’, jew ħsara gravi fuq, tarbija mhux imwielda tirriżulta minn intervent reali u sostanzjali ta’ telfien tal-ħajja tal-omm minn marda fiżika.’ 

Intant l-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia, f'ittra lill-President Vella, sostna li dan ma għandux jiffirma l-emenda kif inhi, pero' sostna li lanqas għandu jirriżenja mill-kariga. Delia appella biex il-President jimxi skont il-kuxjenza u "mat-twemmin tiegħu li jirrifletti dak imnaqqax fil-Kostituzzjoni nnifisha." Huwa appella wkoll biex bħala persuna, bħala tabib li ħalef li jsalva l-ħajja, bħala President tar-Repubblika, bħala t-tutelant tal-Kostituzzjoni biex "tibqa' sod, tibża xejn, tħares lejn ħadd u xejn u tabdikax mir-responsabilità tant nobbli tiegħek." 

 

More in Politika