'Lesti nisimgħu u inbiddlu imma l-prinċipji tal-emenda jibqgħu għax ma saħħet il-mara ma hemmx logħob'

Il-PM Robert Abela jgħid li l-Gvern mhu se jagħmel xejn biex l-abort isir legali, imma ressaq emenda sabiex jingħata kenn fil-liġi meta ħajjet jew saħħet l-omm ikunu "f'periklu gravi"

Dalgħodu fil-Fgura l-Prim Ministru Robert Abela sostna li l-Gvern lest jisma' u jbiddel, imma l-prinċipji tal-emenda dwar it-tqala mhux se jinbidlu għax sostna li saħħet il-mara mhux xi ħaġa li l-Gvern se jilgħab magħha. Huwa qal li bl-emenda li qed iressaq il-Gvern l-abort se jibqa' pprojbit, llegali u punibbli bil-liġi "u mhu se nagħmlu xejn biex l-abort isir legali." qal Abela. Huwa rrepeta diversi drabi li mhu se jiċċaqlaq xejn f'dak li jirrigwarda l-abort u l-pieni relatati, imma se jingħata kenn tal-liġi meta saħħet l-omm jew ħajjitha jkunu f'periklu gravi. 

Huwa staqsa għaliex professjonist ma għandux ikollu dritt li jieħu deċiżjonijiet favur saħħet jew ħajjet l-omm, permezz ta' dispożizzjoni ta' liġi u stasa: "Kif jista' xi ħadd ikun kontra emenda bħal din? Għax dik li hi, xejn iktar u xejn inqas u tħallux lil min jikkonvinċikom mod ieħor," sostna l-PM u Mexxej Laburista. Huwa qal li din l-emenda hija għal dawk li jkunu jafu li t-tqala se tispiċċa u fejn il-kumplikazzjonijiet ikomplu jiżdiedu. 

"Is-soluzzjoni tal-lum hija li nġebbdu sal-aħħar nett, sakemm ħajjet l-omm tkun f'sogru, imbagħad jaġixxi t-tabib - li fl-aħħar mill-aħħar xorta hija prassi li tmur kontra l-liġi kif inhi," fakkar il-PM Robert Abela. 

Huwa sostna li l-Oppożizzjoni ma tafx xi trid, għax min qed jinsisti li għandu jibqa' l-istatus quo u min qed jaċċetta l-bżonn ta' bidla imma qed jargumenta għal aktar ċarezza. Huwa indirizza lill-Kap tal-Oppozizzjoni u filwaqt li sejjaħ id-dikors tiegħu fil-Parlament bħala wieħed "diżgustanti" appella lil Bernard Grech biex ma jużax lill-mara b'mod daqstant dispreġjattiv, "Dan il-moviment dejjem ħadem ghall-emanċipazzjoni tal-mara u se jkun hemm biex jiqafelk."

"Kull meta ġeja b'riforma li tiskossja l-istatus quo, il-PN u l-establishment kienu kontra"

Huwa elenka dawk li sejjaħ kampanji ta' biza' kontra kull bidla li ressaq il-Partit Laburista, "għal dak li emminna li huwa sewwa li jsir."

"Kull meta ġejna b'riforma li tiskossja l-istatus quo, iddemonizzawna - x'ma qalulniex u x'ma għamlulniex?" staqsa Abela li beda l-elenku tiegħu bid-divorzju, introdott 11-il sena ilu. Fakkar illi l-PL ġie akkużat li se joħloq kaos għax kien favur id-divorzju u fakkar ukoll f'dak li sejjaħ diżrispett lejn ir-rieda tal-poplu f'referendum meta bosta Deputati Nazzjonalisti xorta ivvotaw kontra l-introduzzjoni tad-divorzju. "Ara xi ħadd li kien fuq quddiem sew u kien kontra d-divorzju, kellu xi ħadd fil-familja li ż-żwieġ tiegħu inħall mit-Tribinal tal-Knisja fi żmien rekord, imma ħaddieħor ried joqgħod jistenna. Għax komdi huma, komdu kulħadd."

Abela fakkar kemm il-Partit Nazzjonalista kien kontra u oppona liġi li tagħti lil koppja tal-istess sess id-dritt ugwali ta' żwieġ. "illum kulħadd għandu l-jedd li jiċċelebra l-imħabba, hi x'inhi l-orjentazzjoni tiegħek." Fakkar ukoll li d-Deputati Nazzjonalisti kienu beżżgħu illi "se jispiċċa Jum l-Omm" meta l-Gvern ta d-dritt li koppja - anke tal-istess sess - japplikaw għall-adozzjoni wkoll. 

"Meta ħdimna biex inwelldu aktar tfal permezz tal-proċess tal-IVF qalulna qed noqtlu t-trabi. Fi żmienhom għamlu l-aqwa laboratorju għall-IVF kieku, imma ħallewh ma jintużax għax il-forzi konservattivi ma ridux li l-IVF isir fl-isptarijiet tagħna. Għax huma komdi, mela komdu kulħadd." qal il-Prim Ministru Abela. Huwa qal li anke meta l-Gvern beda jindirizza l-infertilità kienu żeffnu l-abort fin-nofs ukoll!

"Issa qalulna li se jispiċċa l-Milied u li l-maltemp qed iqum biex jikkastigana. Tinsewx li dawn għadhom jemmnu li huma biss is-sewwa, li huma biss għandhom id-dritt divin li jmexxu, dawn l-istess nies li jemmnu li sewwa li konna nindifnu fil-Miżbla, għax dawn jemmnu li s-sistema għandha tipprivileġġjahom," qal Abela għaċ-ċapċip ta' dawk preżenti. 

Huwa temm jgħid li f'kull ċirkostanza l-Partit Nazzjonalista dejjem issieħeb mal-establishment, biex jirreżisti l-bidla, għalkemm ammetta li hemm tħassib ġenwin fuq l-elemnda mressqa mill-Gvern u li kien għalhekk li fid-dikors tiegħu ċċara li mhijiex l-intenzjoni tal-Gvern li jillegalizza l-abort. 

More in Politika