Abela jindika tibdil żgħir fl-emenda dwar it-tqala wara kritika li se tiftaħ il-bibien għall-abort f'kull każ

Rapporti dalgħodu jindikaw bidliet biex l-emenda dwar it-tqala li ressaq il-Gvern tkun iċċarata u inqas miftuħa għall-interpretazzjoni

Dalgħodu is-sit timesofmalta.com irrapporta illi waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari l-Prim Ministru Robert Abela indika li jista' jkun hemm tibdil fl-emenda li titratta l-abort f'każ fejn saħħet il-mara tkun ipperikolata u dan sabiex tkun iktar ċara u tħalli inqas lok għal interpretazzjonijiet popolari - inkluż fost diversi professjonisti u tobba -  li din se tiftaħ il-bibien għall-abort fi kwalunkwe każ. 

Jidher illi kien il-PM Abela illi indika dan waqt laqgħa tal-Grupp Parlamentari aktar kmieni din il-ġimgħa. Huwa indika wkoll li dan it-tibdil li se jkun magħmul biex jiċċara aktar l-emenda se jitressaq waqt li l-emenda tmur għat-Tielet Qari u allura fi stadju ta' Kumitat qabel imbagħad tgħaddi bħala Liġi u tmur għand il-President tar-Repubblika għall-firma. 

Il-kritika ta' bosta tobba u professjonisti u anke tal-Oppożizzjoni Nazzjonalista hija li l-emenda - filwaqt li fil-prinċipju hija tajba - hija wisq vaga u tħalli wisq spazju għall-interpretazzjoni, xi ħaġa li fil-fatt tista' twassal biex jinfetaħ l-abort għal kull ċirkostanza. Anke l-President tar-Repubblika George Vella kien irrapportat illi mhux komdu b'din l-emenda kif inhi u kien qed jindika wkoll li jaf ikollu jirriżenja sabiex ma jiffirmahiex. 

L-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia. f'ittra lil Vella, sostna li dan ma għandux jiffirma l-emenda kif inhi, pero' sostna li lanqas għandu jirriżenja mill-kariga. 

More in Politika