Proġetti ta’ akkomodazzjoni se jinbiegħu bi prezzijiet 30% inqas mir-rata tas-suq

Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Aċċessibli ser tibni ammont ta' proġetti ta' akkomodazzjoni bl-għan li iżjed nies jkunu sidien ta' darhom

Kap Eżekuttiv tal-FAH, Jake Azzopardi (Ritratt: MaltaToday/James Bianchi)
Kap Eżekuttiv tal-FAH, Jake Azzopardi (Ritratt: MaltaToday/James Bianchi)

Il-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Aċċessibbli (FAH) se toħroġ sejħiet għall-offerti għal erba’ proġetti ta’ akkomodazzjoni li se jinbiegħu lil klijenti eliġibbli bi prezzijiet 30% inqas mir-rata tas-suq.

Min hu interessat jista’ japplika għal dawn is-sejħiet mill-8 ta’ Lulju, hekk kif il-fondazzjoni qed tippjana li tibni 260 unità residenzjali f’erba’ lokalitajiet differenti. Il-gvern diġà għadda l-artijiet f’Fgura, Ħal Kirkop, Marsaskala u San Ġwann (Ta’ Ġiorni) lill-FAH fuq emfitewsi perpetwa.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet it-Tnejn, il-Kap Eżekuttiv tal-FAH Jake Azzopardi spjega li l-applikazzjonijiet minn potenzjali xerrejja se jinfetħu fl-2027, b’issa l-fondazzjoni qed tikkonċentra fuq il-proċess tas-sejħiet għall-offerti.

Azzopardi spjega l-kriterji għall-eliġibbiltà tax-xerrejja

Persuni waħedhom bejn il-25 u l-34 sena għandhom ikollhom dħul gross massimu annwali ta’ €29,000 u assi totali netti li ma jaqbżux il-€45,000. Għal dawk ta’ 35 sena jew aktar, id-dħul gross annwali massimu jitla’ għal €33,000, bil-limitu fuq in-net worth jibqa’ €45,000.

Fil-każ ta’ koppji, jekk l-ixjeħ fosthom għandu bejn 25 u 34 sena, id-dħul gross annwali konġunt m’għandux jaqbeż il-€36,000, u n-net worth konġunt massimu għandu jkun ta’ €75,000. Jekk l-ixjeħ huwa ta’ 35 sena jew aktar, id-dħul gross annwali konġunt jista’ jiżdied għal €38,000, filwaqt li n-net worth jibqa’ €75,000.

L-applikanti li jissodisfaw dawn il-kriterji huma eliġibbli kemm jekk għandhom tfal u kemm jekk le.

Ix-xerrejja se jkollhom ukoll l-għażla li, wara 20 sena, iħallsu differenza biex id-dritt temporanju tagħhom jikkonverti f’dritt perpetwu, billi jħallsu d-differenza bejn il-valur aċċessibbli u dak tas-suq.

Dan, spjega Azzopardi, huwa mfassal biex jinkoraġġixxi s-sjieda ġenwina u fl-istess waqt jipprevjeni spekulazzjoni mill-utenti finali.

Il-FAH se tagħmel profitt żgħir minn dawn il-proġetti, li se jintuża biex jiġu koperti l-ispejjeż amministrattivi u jiġu reinvestiti f’inizjattivi oħra fil-futur.

Il-kuntrattur magħżul se jkun responsabbli għad-disinn sħiħ tal-proġett, bl-għan li jiġi massimizzat l-użu għall-akkomodazzjoni residenzjali fil-limiti tar-regolamenti u l-ippjanar, filwaqt li jinżammu standards estetiċi għoljin.

Partijiet interessati jistgħu jitolbu kopja tad-dokument tas-sejħa għall-offerti billi jżuru s-sit tal-Fondazzjoni għall-Akkomodazzjoni Aċċessibbli mit-8 ta’ Lulju.

More in Politika