L-organizzazzjoni Doctors for Life qalet li aktar mnn 450 tabib iffirmaw petizzjoni biex jappellaw lill-Gvern jaddotta l-pożizzjoni li ħadu 80 espert u akkademiku dwar l-emendi fil-liġi bil-għan li jipproteġu tobba u ommijiet li jiddeċiedu li jtemmu tqala minħabba periklu għas-saħħa tal-mara.
Fi stqarrija, Doctors for Life qalu li l-mod kif inhi miktuba l-emenda kif proposta mill-Gvern se tiġi interpretata b’mod laxk li tippermetti l-abort għal kwalunkwe raġuni, fi kliemhom ‘abortion on demand’
Spjegaw kif il-frażi fl-emenda proposta mill-gvern li speċifikament tippermetti li tintemm tqala fejn hemm riskju ta’ periklu għas-saħħa hi tal-akbar tħassib għalihom.
“Din it-terminoloġija hija vaga wisq u sfortunatament wasslet għall-introduzzjoni tal-abort għal kwalunkwe raġuni f’diversi pajjiżi, l-ewwel fosthom ir-Renju Unit fl- 1967. Dan minħabba d-definizzjoni ħolistika tal-kelma ‘saħħa’, li tinkludi s-saħħa mentali u l-benessri,” qalu t-tobba.
Insistew ukoll li b’dak li qal il-Prim Ministru, il-piż tar-responsabbilità se jkun qiegħed jintefa’ kollu kemm hu fuq it-tobba u potenzjalment jintefa’ t-tort fuqhom f’każijiet prominenti li jitressqu minn organizzazzjonijiet jew individwi favur l-abort.
Għalhekk huma qed jappellaw biex il-klawżola emendata tkun tgħid hekk:
‘Ma jkun twettaq l-ebda reat taħt l-artikolu 241(2) jew l-artikolu 243 meta l- mewt ta’, jew ħsara gravi fuq, tarbija mhux imwielda tirriżulta minn intervent reali u sostanzjali ta’ telfien tal-ħajja tal-omm minn marda fiżika.’
Doctors for Choice qalu wkoll li fir-Renju Unit aktar minn 98% tal-aborti jsiru minħabba raġunijiet ta’ saħħa mentali.
“B’hekk huwa kompletament ġustifikat li dawn l-450 tabib u tabiba jinsabu inkwetati li, jekk il-Gvern jipproċedi bil-verżjoni kurrenti tal-emenda, l-abort għal kwalunkwe raġuni (‘abortion on demand’) dalwaqt jista’ jsir realtà f’Malta,” tkompli l-isqarrija.
Huma insistew li għandha tiġi pprovduta kura psikjatrika eċċellenti lin- nisa tqal kollha bi problemi ta’ saħħa mentali. Qalu li l-mediċini psikjatriċi li huma disponibbli llum il-ġurnata jinkludi diversi għażliet li jistgħu jingħataw waqt it-tqala b’mod relattivament sigur, u l-ispeċjalisti lokali jipprovdu servizz tas-saħħa mentali perinatali tajjeb ħafna li jiżgura livell għoli ta’ kura għan-nisa tqal.
“Nisa li qed jesperjenzaw tqala fi kriżi jeħtieġu wkoll appoġġ psikoloġiku, soċjali u finanzjarju li jindirizza l-bżonnijiet tagħhom b’mod ħolistiku. Doctors for Life qed iħeġġu lill-gvern biex ma jikkunsidrax l-abort bħala sostitut għall- kura psikjatrika jew għas-sapport mill-komunità.”
L-istqarrija tisħaq li jekk l-intenzjoni tal-gvern hija li tiġi protetta l-ħajja tal-mara u jingħata serħan tal-moħħ lit-tobba li qed jieħdu ħsiebha, ma għandu jkun hemm l-ebda xkiel għall-addozzjoni u l-implimentazzjoni tal-klawżola li dwarha tkellmu t-80 espert u akkademiku.
Doctors for Life qed iħeġġu lill-pubbliku biex nhar il-Ħadd 4 ta’ Diċembru, fit-3pm, jattendu għall-Protesta Nazzjonali li se tkun qed issir quddiem Kastilja u anke biex jiffirmaw il-petizzjoni fuq salvani.eu li sa issa diġà ġiet iffirmata minn 19,000 persuna.