Esperti jisħqu li l-abbozz ta' liġi li se jippermetti l-abort f'każ li l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu huwa nieqes minn dettalji importanti

Jgħidu li l-abbozz ma għid xejn dwar l-isforzi li għandhom isiru biex meta l-fetu jkun vijabbli jitħalla jitwieled qabel iż-żmien u anke sa liema stadju tat-tqala tista' tkun itterminata t-tqala

Grupp ta’ esperti f’diversi oqsma, inkluż dawk mediċi, ingħaqdu f’Position Paper dwar l-emendi li ressaq il-Gvern għall-Kodiċi Kriminali biex l-abort ikun permessibbli f’każ li l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu.

Filwaqt li faħħru l-impenn tal-Gvern li jipproteġi lit-tobba meta jiġu biex jagħmlu għażla diffiċli biex itemmu t-tqala, f’każi fejn il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu, l-istess esperti saħqu li l-abbozz huwa “telegrafiku ħafna” u minkejja li jitkellem l-aktar dritt fundamentali, jiġifieri d-dritt tal-ħajja, huwa nieqes mid-dettalji.

Insistew li jkun aktar għaqli kieku l-Gvern jipprovdi d-dettalji kollha u anke t-terminoloġija li hemm bżonn biex ikun assigurat li ma jsirux abbużi. 

Fost oħrajn, l-esperti saħqu li l-abbozz ta’ liġi ma jgħid xejn dwar l-isforzi li għandhom isiru biex meta l-fetu jkun vijabbli, jitħalla jitwieled qabel iż-żmien minflok tkun “itterminata” l-ħajja permezz tal-abort. Fi kliemhom, dan in-nuqqas fl-abbozz jista' jwassal biex it-tqala titwaqqaf anke meta l-fetu jkun b'saħħtu u ma hemm l-ebda limitu impost dwar sa liema stadju tat-tqala tista' tkun itterminata l-ħajja. 

Propju għalhekk li l-esperti qed jinsistu li għandu jkun hemm aktar ċertezza legali fil-mod kif inhu miktub l-Abbozz ta’ Liġi. Fi kliemhom, dan ikun ta’ benefiċċju kemm għat-tobba u l-professjonisti mediċi, l-omm, it-tarbija fil-ġuf u l-ġudikatura li jista’ jkun li jiġu mumenti fejn tissejjaħ biex tinterpreta dak li tgħid il-liġi.

Insistew li għandu jkun hemm artiklu addizzjonali fil-Kodiċi Kriminali li għandu japplika biss f’dawk il-każi fejn il-ħajja tal-omm tkun f’riskju ta’ mewt jew inkella meta jkun hemm riskju reali għal ħajjitha minħabba marda fiżika. 

L-esperti komplew jisħqu li għandu jitneħħa kull dubju u għalhekk għandu jkun hemm aktar ċarezza billi l-abbozz jgħid ċar u tond li każi fejn il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu ma jinkludux każi jew kundizzjonijiet bħall-ansjetà, problemi ta’ saħħa mentali, stupru jew inkella anomaliji fil-fetu. 

Fl-aħħar nett qalu li d-deċiżjoni li tkun itterminata tqala għandha tkun waħda kollettiva magħmulha minn tal-inqas minn tliet speċjalisti mediċi. Insistew li s-Supretendent tas-Saħħa Pubblika għandha żżomm reġistru ta' dawk il-każi.

More in Politika