Il-Gvern se jressaq emendi 'favur il-ħajja' biex jipproteġi tobba li jagħżlu li jsalvaw il-ħajja tal-omm

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne iħabbar emendi iżda jisħaq li bl-ebda mod dawn ma huma qed jintroduċu l-abort f'Malta

Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne ħabbar emendi fil-liġi bil-għan li dawn jipproteġu tobba li jagħżlu li jsalvaw il-ħajja tal-omm f'każ li jinqalgħu kumplikazzjonijiet fit-tqala li jpoġġuha f'periklu.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Ministru Fearne qal li kull min hu ta' rieda tajba jifhem kemm huma importanti dawn l-emendi filwaqt li insista li l-ħajja ta' ħadd ma għandha qatt titpoġġa f'periklu.

Insista wkoll li l-emendi, li se jitressqu għall-ewwel qari fil-Parlament nhar it-Tnejn li ġej, bl-ebda mod mhu se jkunu qed jintroduċu l-abort f'Malta jew ibiddlu xi ħaġa fil-klawżoli tal-abort hekk kif imniżżla fil-Kodiċi Kriminali. 

"L-ebda mara li qed tistenna tarbija m'għandha titpoġġa f'periklu." Hekk qalet is-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg filwaqt li qalet li dan huwa l-prinċipju li huma msejsa dawn l-emendi. 

Hija fakkret fil-każ ta' Prudente u żiedet tgħid li jekk bħala pajjiż ħadna xi ħaġa minn dak il-każ huwa li, "jekk jeżisti dubju li saħħet l-omm hux protetta jew le dak id-dubju rridu nneħħuħ u din l-emenda dik qed tagħmel."

Intant Buttigieg temmet tgħid li bħala Segretarju Parlamentari responsabbli mir-Riformi, "iżda wisq aktar bħala deputat mara nappella għall-umanità." 

Intant f'risposta li ta lil dan is-sit, il-Ministru Fearne qal li t-tqala ektopika ukoll taqa' fil-kategorija ta' kumplikazzjoni fit-tqala u għaldaqstant ma hemmx bżonn li l-omm ikollha tistenna li l-każ tagħha jitla' bord biex it-tqala tiġi terminata, mingħajr periklu li l-omm "wara dik l-esperjenza trawmatika" taffaċċja priġunerija. 

"Kull każ, fejn ikun hemm kumplikazzjonijiet mediċi, jirrenja l-ġudizzju kliniku jiġifier dak li t-tobba jaħsbu li hu fl-aħjar interess tas-saħħa tal-omm u tat-tarbija," żied mal-ILLUM. 

Għaliex iddaħħlu dawn l-emendi?

Infakkru li dawn l-emendi se jkunu qed jindirizzaw lit-tobba u l-ommijiet b’mod dirett. Dawn se jagħtu lit-tobba l-libertà u l-għażla li jintervjenu fil-każ li l-pazjent ikollha kumplikazzjonijiet fit-tqala li jheddulha ħajjitha, mingħajr biża’ li jittieħdu passi kriminali kontrihom u tiġi revokata l-liċenzja tagħhom. Dawn l-emendi qed jitressqu wkoll fid-dawl tal-każ ta' Andrea Prudenti li kellha tiġi trasportata lejn Spanja biex twaqqaf it-tqala hekk kif kellha kumplikazzjonijiet fit-tqala tagħha. Fil-fatt Prudente se tressaq lill-Gvern Malti quddiem il-Qorti. 

Intant f'kuntatt mal-ILLUM il-Professur, Ġinekologa u attivista mad-Doctors for Choice, Isabel Stabile qalet li minkejja li l-Gvern m'għandux mandat għall-abort, “lanqas fuq il-mina ta’ Għawdex ma kellu mandat u xorta proponiha.” Fl-istess waqt, mal-ILLUM hija qalet ukoll li l-Gvern qiegħed jimxi bil-mod fuq il-kwistjoni tal-abort, iżda "xi darba naslu." 

'Kulħadd iħares in-naħa l-oħra fuq il-każi ta' abort'

F’intervista ma’ The Sunday Times, il-Prim Ministru Robert Abela għamilha ċara li minkejja li dawn l-emendi se jkunu qed jitressqu għall-approvazzjoni tal-Membri Parlamentari ma’ jfissirx li huwa pass eqreb għall-abort. Tant hu hekk li fakkar li fil-ħatra tiegħu, fl-2020, il-Gvern immexxi minnu ħa pożizzjoni u din għadha valida. 

Fil-fatt meta rriżenja l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, huwa kien qal li se jkun qiegħed jiffoka aktar fuq il-libertajiet ċivili u filwaqt li qatt ma ikkjarifika li kien qiegħed jirreferi għall-abort, Abela kien wieġeb li jekk Muscat, “se jiġġieled għall-abort, se jsib lili kontrih.” 

Intant nhar il-Ħadd, fl-intervista, Abela reġa’ tenna li “dawn l-emendi fil-liġi li se nressqu, m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-abort. Mhux se nintroduċu l-abort.” Minkejja l-fatt li rrikonoxxa li f’pajjiżna hemm diversi persuni li jagħmlu abort, anke jekk dan huwa kontra l-liġi. 

Abela fl-istess intervista qal ukoll li f’pajjiżna hemm aktar minn 350 persuna - u għaldaqstant madwar persuna kuljum - li tieħu pillola abortiva. “Jista’ jkun li qed inkunu ipokriti meta nagħmlu dan, iżda kulħadd iħares in-naħa l-oħra fuq dawn il-każi ta’ abort,” qal Abela mal-ġurnalist. 

More in Politika