‘Jiena nemmen li l-abort qed jiddaħħal bil-mod. Mhux ideali, imma l-aqwa li xi darba naslu’

Il-Professur Isabel Stabile tesprimi d-diżappunt iżda tinnota progress fuq is-sitwazzjoni tal-abort f’pajjiżna, f’reazzjoni mal-ILLUM għall-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela, dwar l-emendi tat-tqala

“M’għandux mandat għall-abort, veru, iżda lanqas fuq il-mina ta’ Għawdex ma kellu mandat u xorta proponiha.” Hekk qalet il-Professur, Ġinekologa u attivista mad-Doctors for Choice, Isabel Stabile mal-gazzetta ILLUM b’reazzjoni għall-kummenti tal-Prim Ministru Robert Abela fuq l-emendi fil-liġi. 

Infakkru li dawn l-emendi, li se jkunu qed jitressqu fil-Parlament fil-ġimgħat li ġejjin, se jkunu qed jindirizzaw lit-tobba u l-ommijiet b’mod dirett. Dawn se jagħtu lit-tobba l-libertà u l-għażla li jintervjenu fil-każ li l-pazjent ikollha kumplikazzjonijiet fit-tqala li jheddulha ħajjitha, mingħajr biża’ li jittieħdu passi kriminali kontrihom u tiġi revokata l-liċenzja tagħhom. 

F’intervista ma’ The Sunday Times, Abela għamilha ċara li minkejja li dawn l-emendi se jkunu qed jitressqu għall-approvazzjoni tal-Membri Parlamentari ma’ jfissirx li huwa pass eqreb għall-abort. Tant hu hekk li fakkar li fil-ħatra tiegħu, fl-2020, il-Gvern immexxi minnu ħa pożizzjoni u din għadha valida. 

Fil-fatt meta rriżenja l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, huwa kien qal li se jkun qiegħed jiffoka aktar fuq il-libertajiet ċivili u filwaqt li qatt ma ikkjarifika li kien qiegħed jirreferi għall-abort, Abela kien wieġeb li jekk Muscat, “se jiġġieled għall-abort, se jsib lili kontrih.” 

Intant nhar il-Ħadd, fl-intervista, Abela reġa’ tenna li “dawn l-emendi fil-liġi li se nressqu, m’għandhom x’jaqsmu xejn mal-abort. Mhux se nintroduċu l-abort.” Minkejja l-fatt li rrikonoxxa li f’pajjiżna hemm diversi persuni li jagħmlu abort, anke jekk dan huwa kontra l-liġi. 

Dwar dan Stabile qalet li din hija realtà oħra li mhux qed tiġi iffaċċjata, madankollu xorta temmen li l-Gvern “qed jimxi bil-mod, il-mod.”

‘Il-Gvern qed jeżamina s-sitwazzjoni tan-nies'

Din il-gazzetta għamlet referenza għal punt partikolari li għamel il-Prim Ministru, dik li f’pajjiżna hemm aktar minn 350 persuna - u għaldaqstant madwar persuna kuljum - li tieħu pillola abortiva. 

“Jista’ jkun li qed inkunu ipokriti meta nagħmlu dan, iżda kulħadd iħares in-naħa l-oħra fuq dawn il-każi ta’ abort,” qal Abela mal-ġurnalist. 

Jekk kulħadd jaf li qed isir abort f’pajjiżna, inkluż min qed imexxih, għaliex ma jiġix dekriminalizzat? Dan huwa każ ta’ ipokrezija jew biża’? 

Isabel Stabile
Isabel Stabile

Qalet li l-Gvern qiegħed jieħu l-opinjonijiet tan-nies u “jaf qiegħed jintroduċi l-abort bil-mod, il-mod.” Saħqet li hi temmen illi permezz tas-sondaġġi u permezz ta’ dikjarazzjonijiet bħal dawk tal-Prim Ministru fl-intervista, il-Gvern qiegħed jeżamina r-reazzjoni tan-nies, x’jaħsbu u x’jemmnu dwar l-abort qabel ma jieħdu deċiżjoni. 

Żiedet tgħid li huwa għalhekk li temmen li l-abort qed jiddaħħal bil-mod, għaliex “l-ewwel isiru l-emendi u aktar tard id-dekriminalizzazzjoni.” 

“Huwa ideali? Le. Iżda l-aqwa li xi darba nasslu,” kompliet tgħid mal-ILLUM il-Professur Isabel Stabile. 

‘B’din l-emenda hemm inqas konfużjoni għat-tobba’ 

Il-Gvern qed iressaq dawn l-emendi għall-protezzjoni tat-tobba u l-ommijiet jew biex jipproteġi ruħu minn kawża oħra fil-Qorti, bħalma fetħet Prudente?

Stabile qalet li għal żmien twil it-tobba kienu konfużi dwar x’għandhom jagħmlu f’sitwazzjonijiet daqstant diffikultużi u sostniet li l-liġi preżenti, mingħajr dawn l-emendi, mhix ċara biżżejjed. 

Jekk nieħdu l-każ ta’ Prudente bħala eżempju; It-tarbija ma kellha ebda ċans ta’ għixien - għax ġisem Prudente beda l-proċess ta’ ħlas qabel iż-żmien - madankollu l-qalb tat-tarbija kienet għadha tħabbat. F’din iċ-ċirkostanza partikolari, it-tabib kellu żewġ għażliet:

  • Li jistenna sakemm il-qalb tat-tarbija tieqaf tħabbat, b’riskju li l-omm tieħu infezzjoni serja fid-demm (septicemia) b’detriment għall-ħajjitha. Dan ifisser li t-tabib ma jonorax dmiru li jsalva l-ħajja. 
  • Min-naħa l-oħra it-tieni għażla hi li jneħħi t-tarbija mill-omm, isalva ħajjet l-omm u jirriskja li tiġi revokata l-liċenzja tiegħu u jingħata priġunerija. 

Stabile qalet li minkejja li “għad fadal ħafna xi jsir, dan huwa l-ewwel pass. B’dawn l-emendi, se jneħħu kull dubju li kellhom it-tobba.”

Hija fakkret ukoll fil-protest ġudizzjarju li ressqet hi stess, iffirmat minn aktar minn 135 tabib madwar Malta u Għawdex, bi speċjalizzazzjoni differenti. Stabile qalet li dan il-protest ġudizzjarju sar biex jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet, “u fil-fatt hekk għamel għaliex ftit wara l-Ministru ħabbar dawn l-emendi.” 

Intant dwar is-suġġett u għall-mistoqsija Parlamentari tad-Deputat Mark Anthony Sammut, il-Ministru għas-Saħħa u Deptutat Prim Ministru Chris Fearne qal li l-imwiet ikkawżati minħabba kundizzjonijiet qabel, waqt jew wara l-ħlas ta’ tarbija, mill-2017 sal-2020, kien jlaħħqu it-52. Filwaqt li l-medja tal-imwiet f’dawn it-tliet snin kienet ta’ 17, fl-2020 kien hemm seba’ mwiet ikkawżati minn kumplikazzjonijiet qabel, waqt jew wara l-ħlas. Min-naħa l-oħra ma sar l-ebda aċċenn għall-imwiet tal-2021 u tal-2022, sa’ issa.

More in Politika