Il-Partit Nazzjonalista qed jakkużża lil Partit Laburista li rreġistra kważi mitt resident f’proġett ta’ akkomodazzjoni soċjali fis-Siġġiewi, li għadu qed jinbena.
Jindirrizza konferenza stampa quddiem il-Qorti, is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista Michael Piccinino ddeskriva l-każ bħala użu sistematiku ħażin tal-akkomodazzjoni soċjali, u l-isfrutar tal-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali f’Ġunju li ġej.
Il-PN ppreżenta rikors fil-qorti u talab it-treġġigħ lura tar-reġistrazzjonijiet għall-votanti inkwistjoni.
Fl-elezzjonijiet tal-kunsilli lokali tal-2019 il-Partit Laburista rebaħ s-Siġġiewi għall-ewwel darba fl-istorja tal-elezzjonijiet lokali, b’vantaġġ ta’ 70 vot.
Is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista kien akkumpanjat mill-President tal-Kulleġġ Kunsilliera Lokali tal-Partit Nazzjonalista Charles Bonello, mill-Kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill Lokali tas-Siġġiewi u mill-Avukati Karol Aquilna u Joseph Grech, li qed jassistuh f’dawn il-kawżi.
Piccinino spjega kif ix-xahar li għadda ħadd ma kien irreġistrat bħala resident fid-djar inkwistjoni.
"Fil-mument li l-President iffirmat għall-elezzjoni, f'daqqa waħda 99 persuna ġew irreġistrati bħala residenti hemmhekk,” huwa kompla jgħid.
Qal ukoll li rappreżentanti tal-PN ilbieraħ żaru l-blokka tal-appartamenti, u sabu li għadha qed tinbena.
“Il-biċċa l-kbira tal-units lanqas bieb ta’ barra m’għandhom u lanqas servizzi tad-dawl jew tal-ilma,” żied Piccinino.
Żewġ terzi tal-individwi rreġistrati bħala residenti fis-sit huma minn Ħal Qormi, skont il-PN, li huwa d-distrett ikkontestat mill-Ministru għall-Akkomodazzjoni stess, Roderick Galdes.
“Huwa evidenti li l-Labour qed juża b’mod sistematiku d-djar u r-riżorsi tal-Gvern biex jagħmel abbuż,” Piccinino kompla jgħid.
Saħaq fl-aħħar li t-talba tal-PN mhux li l-votanti jitneħħew għal kollox mir-reġistru elettorali, iżda li jiġu rritornati fid-distrett tagħhom.