Abela mhux tajjeb biex imexxi - Momentum

Wara li persuna li mixli b'qtil involuntarju jerġa jiġi impjegat mal-Awtorità tal-Artijiet

Il-Kumitat tal-Partit Momentum
Il-Kumitat tal-Partit Momentum

Membru eżekuttiv tal-partit Momentum, Carmel Asciak, l-istqarrija tal-Prim Ministru Robert Abela fejn iddeffenda d-deċiżjoni tal-Awtorità tal-Artijiet li terġa’ ddaħħal għax-xogħol lil Kurt Buhagiar, u qal li Abela “mhux tajjeb biex imexxi”

“Ejja nkunu ċari: din mhijiex kwistjoni ta’ ħtija jew innoċenza, dik hija deċiżjoni tal-qorti. Din hija kwistjoni ta’ imġiba etika bażika, rispett, u fiduċja pubblika. Persuna akkużata b’delitti serji marbuta ma’ fatalità ta’ sit ta’ kostruzzjoni m’għandhiex tirrappreżenta awtorità pubblika, tieħu flus mit-taxxi tan-nies, u ‘tkompli bix-xogħol’ bħallikieku ma ġara xejn," qal Asciak.

Abela kien mistoqsi mill-ġurnalisti wara li omm il-vittma Jean Paul Sofia, Isabelle Bonnici, żvelat li Kurt Buhagiar irritorna għax-xogħol fl-Awtorità tal-Artijiet. Buhagiar huwa wieħed minn ħames persuni li qed jaffaċċjaw akkużi relatati mal-kollass ta’ fabbrika tal-injam li kienet għadha taħt kostruzzjoni fuq art mikrija mill-gvern.

Robert Abela ddefenda l-impjieg mill-ġdid ta’ Buhagiar billi nnota li dan kien diġà fuq sospensjoni mħallsa, u issa qed iwettaq id-dmirijiet tiegħu tax-xogħol minflok li jitħallas mingħajr ma jmur għax-xogħol.

Hu qal li l-impjieg mill-ġdid ta’ Buhagiar “mhijiex biss insensittiva, iżda wkoll immorali.”

“Fejn hu s-sens ta’ tmexxija? Fejn hi d-deċenza? Fejn hu l-impenn għar-riforma u l-ġustizzja li kien ġie mwiegħed lill-familja ta’ Jean Paul Sofia u lill-poplu kollu?" staqsa Asciak.

Momentum qal li jappoġġja lil Isabelle u kull ċittadin ieħor li qed jitlob responsabbiltà vera, u mhux skużi amministrattivi.

Asciak ikkonkluda jgħid, “Malta jixirqilha mexxejja li jifhmu s-sens ta’ responsabbiltà li ġġib magħha kariga pubblika, li jżommu standards għoljin u jagħtu valur lill-ħajja qabel kull konvenjenza politika. Robert Abela wera, għal darb’oħra, li mhux denju li jmexxi pajjiż.”

More in Politika