L-Assoċjazzjoni tat-Tobba tgħid li l-emenda dwar l-abort se toħloq aktar problemi u mhux issolvihom

Martin Balzan qal li t-tobba ma talbux din l-emenda u ma kinux ikkonsultati dwarha filwaqt li insista li l-Abbozz huwa wisq vag

L-Assoċjazzjoni tat-Tobba Maltin (MAM) qalet li l-emenda li ressaq il-Gvern dwar l-abort f’każ li l-ħajja jew is-saħħa tal-mara tkun fil-periklu, se tkun qed iżżid u mhux tnaqqas il-problemi għall-professjonisti mediċi.

Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-President tal-MAM, Martin Balzan qal li l-unjin qatt ma talbet għal dan l-abbozz li jemenda l-kodiċi kriminali u qatt ma ġiet ikkonsultata.

Fi kliemu, minflok tipproteġi t-tobba, din se tkun qed toħloq diversi problemi legali.

Insista li l-MAM taqbel mal-ewwel prinċipju tal-emenda, jiġifieri li l-ħajja tal-omm għandha tkun issalvagwarjata u insista li dan diġà qed isir fil-prattika. Madanakollu insista li l-MAM mhijiex kuntenta bil-fatt li l-abbozz jitkellem fuq it-terminazzjoni tat-tqala biex tkun issalvagwardjata s-saħħa tal-mara, kemm dik fiżika u anke mentali.

Dan huwa l-punt li qed iqajjem id-diskussjoni sħiħa dwar din l-emenda.

Balzan qal li l-fatt li fl-emenda ddaħħlet ukoll ir-referenza għas-saħħa tal-omm, din se tkun qed toħloq aktar problemi minflok tnaqqashom.

“L-Abbozz huwa wisq vag u nemmnu li t-terminoloġija kollha għandha tkun emendata jew mibdula kompletament biex tkun aktar ċara u jkun ċar x’se jkun irregolarizzat,” insista.

Qal ukoll li d-deċiżjoni dwar it-terminazzjoni tat-tqala ma għandhiex tkun f’idejn tabib wieħed imma jkun hemm bord ta’ tliet professjonisti.

Sal-lum, il-Prim Ministru Robert Abela qal li se jħalli f’idejn it-tobba u l-ġudizzju tagħhom biex jiddeċiedu liema huwa dawk il-kundizzjonijiet mediċi li jipperikolaw is-saħħa tal-omm, li għandhom eventwalment iwasslu għat-terminazzjoni tat-tqala.

“Ħa nkun ċar dwar din. Jekk xi ħadd jaħseb li din l-emenda ntalbet mit-tobba, sejjer żbaljat” insista Martin Balzan. “Jekk qed nintroduċu emenda li se tkun qed idaħħal l-abort, aħna ma rridu li jkollna xejn x’naqsmu magħha.”

Appella lill-Gvern biex ma jgħaġġilx u biex ikun hemm aktar diskussjoni dwar dan.

Aloisia Camilleri, konsulent, qalet waqt l-istess konferenza li hemm diversi kura u anke medikazzjoni li mara tqila li tiffaċċja problemi ta’ saħħa mentali tista’ tieħu li huma siguri kemm għaliha u anke għall-fetu.

Balzan insista li sa issa, l-ebda mara tqila ma kellha bżonn ittemm it-tqala minħabba saħħa mentali.

Temm jisħaq li bl-affarijiet kif inhuma, aħjar il-liġi tibqa' kif inhi għax kif se tiddaħħal, se tikkumplika l-affarijiet. 

More in Politika