107 akkademiċi jiffirmaw dikjarazzjoni favur l-emenda tat-tqala

Fost il-punti, din id-dikjarazzjoni titlob li f'każ ta' tqala avvanzata u vijabbli, it-tarbija titwelled qabel iż-żmien

107 akkademiċi jiffirmaw dikjarazzjoni favur l-emenda tat-tqala li qiegħed iressaq il-Gvern, jiġifieri li tagħti s-setgħa lit-tobba, bil-kunses tal-omm, li jitterminaw it-tqala fil-każ li s-saħħa u l-ħajja tal-omm ikunu mhedda minħabba kumplikazzjonijiet. 

Din id-dikjarazzjoni saret ukoll b’reazzjoni għall-position paper, appoġġjata mill-Oppożizzjoni u numru ta’ akkademiċi, li topponi l-emenda innifisha u li ressqet numru ta’ proposti alternattivi. 

Id-dikjarazzjoni tfakkar fl-ittra li bagħtu tliet membri parlamentari Ingliżi flimkien ma' numru ta' membri mill-House of Lords formalment bagħtu ittra lill-Prim Ministru Robert Abela minħabba tħassib li għandhom fuq il-liġijiet tal-abort. Huma fakkru lill-Abela f'leġislazzjoni preċedenti tal-Ingliżi u biex ikun kawt fil-kliem li jintuża għal-leġislazzjoni. Qalu li fl-1967, il-Parlament ressaq l-Att għall-Abort u kien jinkludi termini simili, u li għaldaqstant jgħid li titwaqqaf it-tqala fil-każ ta' theddid tal-ħajja tal-omm. Huma qalu li fid-dawl ta' din il-leġislazzjoni, wassal biex isir l-abort fil-pajjiż. Skont il-firmatarji tal-ittra, b'din il-klawżola, fl-2021 saru aktar minn 200,000 abort. Sintendi, wieħed irid iqis il-popolazzjoni tar-Renju Unit. 

B’reazzjoni għal dan il-firmatarji qablu li l-emenda hija differenti mill-Att Ingliż għax dan ma jagħmilx referenza għal kumplikazzjonijiet mediċi jew li s-saħħa ta-mara tkun mhedda. 

Tirrimarka wkoll li l-liġi li tipprojbixxi l-abort f’pajjiżna, li mhux se tkun qed tinbidel permezz ta’ din l-emenda, tuża terminoloġija arkajka u għalhekk li dawn l-akkademiċi jappellaw biex isir reviżjoni. 

Din id-dikjarazzjoni tirrakkomanda li ma jkunx impost perjodu ta’ ġimgħat jew xhur ta’ meta tintemm it-tqala minħabba kumplikazzjonijiet. Minkejja dan tiċċara li tqala li tkun fi stat avvanzat, meta jkun hemm kumplikazzjonijiet, it-tarbija - jekk tkun vijabbli - għandha titwelled jekk tkun kapaċi tgħix barra l-utru (minkejja li tkun prematura). Din id-dikjarazzjoni tirrimarka, li anke f’pajjiżi bl-aktar liġijiet liberali fir-rigward tal-abort, jitħaddem dan il-prinċipju. 

Fost punti oħra, din id-dikjarazzjoni tfakkar ukoll fil-proposta tal-position paper u li għaldaqstant jifforma grupp ta’ tobba magħmul minn minimu ta’ tliet professjonisti mediċi li jaraw il-kundizzjoni tal-omm u li jagħmlu d-deċiżjoni finali jekk għandiex tiġi tterminata t-tqala, jew le. Intant din id-dikjarazzjoni tipproponi li jekk għandu jkun hemm grupp ta’ tobba li jistabilixxu dan, għandu jkun iffurmat mit-tobba tal-pazjenta biss għaliex dawn ikunu mgħarrfa aħjar fuq il-kundizzjonijiet tagħha.

Dan apparti li tisħaq li s-saħħa mentali m’għandiex tkun eskluża mil-lista ta’ kundizzjonijiet ta’ saħħa. 

Aqra aktar fuq ir-reazzjoni tal-position paper: Hawnhekk

More in Politika