L-emendi tat-tqala: Ta’ bżonn jew le? Peppi Azzopardi u Andrea Dibben jirrispondu

Għandu jkun hemm tim ta’ esperti biex jiddeterminaw jekk għandiex tintemm it-tqala f’każ ta’ kumplikazzjonijiet? Jekk mara jkollha dipressjoni din ukoll tista’ ittemm it-tqala? L-ILLUM tistaqsi fuq l-inċertezzi dwar dawn l-emendi li jippermettu lit-tobba jtemmu t-tqala fil-każ ta’ kumplikazzjonijiet serji  

“Dawn l-emendi, li jitrattaw il-kumplikazzjonijiet tat-tqala, ma kienx hemm bżonnhom,” hekk qal l-attivist u xandar veteran Peppi Azzopardi. Il-gazzetta għamlet kuntatt ma’ Azzopardi, voċiferu kontra l-abort, fid-dawl ta’ position paper magħmula u ffirmata minn diversi esperti u persuni minn oqsma varji, inkluż Azzopardi stess. Min-naħa l-oħra l-ILLUM tkellmet ukoll mal-attivista mill-Women’s Rights Foundation Andrea Dibben li qalet li huwa “ovvju” li kien hawn bżonn tal-emendi, minħabba l-każi eżistenti ta’ nisa li jkollhom kumplikazzjonijiet fit-tqala.  

Il-position paper ippubblikata din il-ġimgħa stess tagħmel aċċenn għal diversi nuqqasijiet fl-emendi tal-Kodiċi Kriminali f’dan ir-rigward, filwaqt li tirrimarka li l-Gvern għandu jiċċara liema huma l-kundizzjonijiet li jwasslu għal riskju ta’ mewt tal-omm, fost oħrajn. Dan biex, skont il-firmatarji, ma jkunx hemm abbuż fil-mod ta’ kif jitħaddmu dawn l-emendi.  

Mistoqsi fuq hekk, Azzopardi esprima tħassib għaliex qal li jemmen li l-ħajjiet tal-omm kemm fil-passat u anke preżentement dejjem ingħataw l-importanza u għaldaqstant jgħid li “dawn l-emendi saru biex jiftħu l-bieb għall-abort.” Għal dan Dibben qalet li l-abort, legali jew le xorta jibqa’ jsir. Fil-fatt qalet li f’ċertu każi kien hemm tobba li bagħtu lil nisa tqal, b’kumplikazzjonijiet partikolari, ifittxu l-kura barra minn Malta.  

Minkejja dan, l-attivista irribattiet billi qalet, illi kieku ma kienx hemm bżonnhom dawn l-emendi - anke jekk tgħid li fihom nuqqasijiet - kieku l-Gvern ma kienx iressaqhom quddiem il-Parlament. “Ma naħsibx illi kieku l-Gvern kien jagħmel dawn l-emendi li kieku ma kienx konxju tal-każi ta’ nisa li jaffaċċjaw kundizzjonijiet mediċi ta’ theddida għal ħajjithom.”  

‘Jekk mara jkollha d-dipressjoni b’dawn l-emendi tista’ ittemm it-tqala?’ 

Intant l-ILLUM tagħmel referenza għal dak li qalu l-esperti fil-position paper u li għaldaqstant qed titlob lill-Gvern biex jiċċara x’inhuma l-kundizzjonijiet li għamel referenza għalihom fl-Abbozz ta’ Liġi. Fi kliemhom, dan ikun ta’ benefiċċju kemm għat-tobba u l-professjonisti mediċi, l-omm, it-tarbija fil-ġuf u l-ġudikatura li jista’ jkun li jiġu mumenti fejn tissejjaħ biex tinterpreta dak li tgħid il-liġi.  

Għal dan Azzopardi wieġeb li l-Għaqda Dinjija għas-Saħħa (WHO) tikkategorizza l-kundizzjonijiet u l-problemi ta’ saħħa mentali bħala kundizzjonijiet ta’ saħħa. Kien hawn li huwa staqsa: “Jekk mara tqila jkollha d-dipressjoni, u għaldaqstant tbati minn kundizzjoni, b’dawn l-emendi tista’ ttemm it-tqala?”  

Għall-argument ta’ Peppi, Dibben irrimarkat li huwa ironiku li minkejja l-karba biex is-saħħa mentali tiġi mħarsa, f’każi ta’ saħħa mentali f’nisa tqal, “din ma tingħatax priorità.” Tant hu hekk li mal-ILLUM tgħid li tqis il-pożizzjoni ta’ Peppi Azzopardi u l-firmatarji l-oħrajn bħala “daqqa ta’ ħarta.” 

“Mela ngħidu li rridu nipproteġu s-saħħa mentali tan-nies, kif jagħmlu uħud mill-firmatarji tal-position paper, iżda imbagħad ma rridux li s-saħħa mentali tkun kundizzjoni li tittermina tqala ta’ mara,” żiedet Dibben. Apparti minn hekk hija qalet li jekk mara jkollha problemi ta’ saħħa mentali, “fis-sitwazzjoni li qiegħed fih pajjiżna, f’dan ix-xenarju mara tirrikorri għall-pilloli tal-abort mal-ewwel. Illum hemm min ibigħ il-pilloli lil nisa li lanqas ikunu tqal.”  

Intant Azzopardi qal li jifhem li mara tqila li tkun f’riskju serju li tmut għandha tingħata l-għajnuna daqstant meħtieġa madankollu rrimarka, li sal-lum, dan diġà kien qiegħed isir u li ħadd qatt ma tressaq il-Qorti u affaċċja akkużi ttermina t-tqala għax ħajjet il-mara kienet fil-periklu. Fil-fatt huwa qal li dan il-każ il-liġi tqis li huwa wieħed ta’ ‘self-defense.’  

Minkejja dan, Dibben irrimarkat li mara m’għandiex titħalla sal-aħħar sekonda tiġġieled għal ħajjitha jekk hemm rimedju li t-tqala b’kumplikazzjonijiet severi jintemmu qabel ma jkun tard wisq, “inkella dawn in-nisa jispiċċaw qishom qabar miftuħ.”  

‘M’għandux ikun hemm burokrazija’ 

Infakkru wkoll li din il-position paper tgħid li l-Gvern għandu jaħtar grupp ta’ speċjalisiti mediċi, magħmul minn minimu ta’ tliet membri, li jieħdu deċiżjoni kollettiva dwar jekk għandhiex tkun itterminata t-tqala rispettiva.  

L-ILLUM tirrimarka li dan il-pass addizzjonali, jaf iwassal għal dewmien żejjed li jaf ikompli jitfa’ l-ħajja tal-omm f’riskju. Azzopardi qabel u jemmen li filwaqt li jaqbel li għandu jiġi maħtur dan il-grupp, jisħaq li m’għandux ikun hemm burokrazija żejda, li twassal għad-dewmien u li tipperikola l-ħajja tal-omm.  

Nerġgħu infakkru li tim simili huwa diġà eżistenti u preżentament jitlaqqa’ f’każ ta’ tqala ektopika, jiġifieri meta l-embrijun jibda’ jiżviluppa fil-fallopian tube. F’dan il-każ, din it-tqala ma tkunx vijabbli kif ukoll huwa diffiċli ħafna, jekk mhux impossibli, biex l-embrijun jitpoġġa fl-utru jew imur waħdu b’mod naturali. Filwaqt li f’pajjiżna din it-tqala tiġi terminata, qabel dan ma jsir hemm bord ta’ esperti mediċi li jieħdu d-deċiżjoni. Intant il-ħajja tal-omm tkun f’riskju għaliex it-tubu jista’ jinfaqa’ minn ħin għall-ieħor.  

Fuq din il-proposta Dibben qalet li assolutament ma taqbilx, “għax kull sekonda tgħodd u mhux ġust li mara titħalla tistenna sakemm tittieħed deċiżjoni. Nafu b’każ li mara tħalliet tliet ijiem fuq l-ixkaffa u ngħatat risposta wara tmiem il-ġimgħa. Ħallewha imdendla. Assolutament ma naqbilx ma’ din il-proposta fil-position paper,” qalet Dibben.  

Mistoqsi minn din il-gazzetta waqt il-konferenza li fiha ħabbar l-emendi, il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne, qal lill-ILLUM li dan il-bord mhux se jkun qed jitħaddem fid-dawl tal-istess emendi għaliex se jkun it-tabib flimkien mal-omm li jieħdu d-deċiżjoni jekk għandiex tiġi terminata t-tqala jew le.  

Il-position paper qed titlob ukoll li jsir reġistru ta’ nisa li jkollhom it-tqala itterminata minħabba kumplikazzjonijiet. Andrea Dibben, temmet issostni li assolutament ma taqbilx. “Jeżisti reġistru għall-pedofli u se jsir reġistru għall-persuni li wettqu forma ta’ vjolenza domestika - it-tnejn reati kriminali. Mela dawn in-nisa kriminali?” 

More in Politika