'L-emenda titkellem fuq meta s-saħħa u mhux il-ħajja tal-omm tkun f'periklu; Dan abort'

L-Isqfijiet Maltin ippubblikaw nota pastorali li fiha spjegaw il-pożizzjoni tagħhom u qalu li f'pajjiżi oħra wkoll intużat il-kelma 'saħħa' biex iddaħħal l-abort

L-Isqfijiet Maltin ħarġu nota pastorali li fiha tennew it-tħassib tagħhom dwar l-emenda li qed jipproponi l-Gvern biex l-abort ikun legali meta s-saħħa tal-omm tkun f’riskju.

Fin-nota tagħhom, l-Isqfijiet saħqu li fil-“ġuf hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa” u li l-emenda kif inhi se tkun qed iddaħħal l-abort f’Malta.

“Meta aħna nitkellmu fuq l-għożża tal-ħajja mill-ewwel mument tat-tnissil, u r-rispett lejn id-dinjità ta’ din il-ħajja li bdiet, ma ngħidux hekk għax hija l-fidi li tgħidilna li hemm il-ħajja umana mill-konċepiment, jew għax il-Knisja tgħidilna hekk. Hi x-xjenza li tgħidhielna din. Anke scan tat-tarbija fil-ġuf turik l-iżvilupp gradwali tal-ħajja umana meta tarbija għadha ma twelditx. Fil-ġuf hemm xi ħadd, mhux xi ħaġa. Li tgħidilna l-fidi hi biex ngħożżu din il-ħajja li bdiet għax kull ħajja hija don ta’ Alla,” qalu l-Isqfijiet.

Fakkru li l-emenda proposta ma titkellimx biss fuq is-sitwazzjoni ta’ omm li tkun f’periklu li tmut minħabba t-tqala tagħha. Qalu li meta jkun hemm periklu ta’ dat-tip, it-tobba dejjem jippruvaw isalvaw lill-omm u lit-tarbija, u meta ma jirnexxilhomx isalvawhom it-tnejn, isalvaw lill-omm. 

“Kull meta sar hekk tul is-snin, qatt ma nħolqu problemi legali għall-ommijiet jew għat-tobba. Ma kienx hemm bżonn ta’ tibdil fil-liġi biex l-omm tkun salvata jekk tkun fil-periklu tal-mewt,” insistew.

Saħqu li l-emenda ddaħħal xi ħaġa ġdida għax titkellem ukoll fuq sitwazzjonijiet fejn mhux il-ħajja tal-omm fil-periklu iżda s-saħħa tagħha, u tipproponi li tista’ tħares is-saħħa billi toqtol ħajja umana ġdida.

“Dan ifisser abort,” qalu l-Isqfijiet. “L-istorja ta’ għadd ta’ pajjiżi turina li l-abort daħal proprju bl-użu ta’ din il-kelma “saħħa”, kif qed jiġi propost fl-emenda. Din hi ħaġa serja ħafna. Aħna nafu li fejn is-saħħa teħtieġ kura, għandha tingħata kull kura meħtieġa, u fejn l-omm għandha bżonn l-għajnuna, għandha tingħata kull appoġġ li teħtieġ. Imma ma għandekx toqtol ħajja umana biex tħares is-saħħa ta’ xi ħadd. Meta wieħed jinnega d-dinjità tat-tarbija fil-ġuf, il-pedament tar-rispett lejn id-dinjità ta’ kull bniedem – inkluż tal-mara u tal-professjonist – jitfarrak,” tgħid in-nota pastorali.

Appellaw lill-poplu kollu biex isemma’ leħnu favur il-ħajja f’kull waqt tagħha, mit-tnissil sal-mewt naturali. Appellew ukoll lill-Parlamentari biex l-għażla tagħhom tkun favur il-ħajja u mhux favur il-mewt. 

In-nota pastorali kienet iffirmata mill-membri tal-Konferenza Episkopali Maltija, jiġifieri l-Arċisqof Charles Scicluna, l-Isqof ta’ Għawdex Anton Theuma u l-Isqof Awżiljarju tad-Arċidjoċesi Maltija Joe Galea Curmi. 

More in Politika