Il-PM itenni li lest jiċċara l-emenda dwar l-abort imma r-referenza għas-saħħa tal-omm mhijiex 'negozjabbli'

Il-Prim Ministru jgħid li l-Gvern lest jiċċara l-emenda biex ikun assigurat li ma jkunx hemm abbuż fl-interpretazzjoni imma tenna li mhux lest li jbiddel il-prinċipji ewlenin tagħha

Il-Prim Ministru Robert Abela tenna li jekk ikun hemm bżonn u "sa fejn possibbli" lest li jiċċara l-emenda li qed tkun diskussa fil-Parlament, anke jekk tenna li din trid tibqa' tiddefendi lill-omm kemm jekk ħajjitha tkun f'periklu imma anke jekk saħħitha tkun f'riskju.

Huwa qal dan meta kien mistoqsi mill-ġurnalisti dwar l-oppożizzjoni li eluf urew ilbieraħ waqt dimostrazzjoni fil-Belt għall-emenda li qed jipproponi l-Gvern biex l-abort ikun permessibbli mhux biss meta l-ħajja tal-omm tkun f'periklu imma anke meta saħħitha tagħha "tkun f'riskju gravi."

Tobba, professjonisti oħra u anke akkademiċi qed jisħqu li meta l-emenda qed titkellem ukoll fuq riskju għas-saħħa fiżika u mentali tal-omm, ifisser li l-Gvern se jkun qed jiftaħ il-bibien beraħ biex l-abort jiddaħħal f'Malta.

Il-Prim Ministru qal li l-emenda titkellem fuq żewġ prinċipji, jiġifieri l-ħarsien tal-ħajja tal-omm jekk tkun f'periklu waqt it-tqala u l-ħarsien tas-saħħa tal-omm "jekk tkun f'periklu gravi."

Fi kliemu, dawn huma prinċipji li l-Gvern mhux se jaħrab minnhom.

"Sa fejn huwa possibbli li l-omm u l-fetu jistgħu jgħixu flimkien, allura jridu jgħixu t-tnejn," qal Abela.

Insista li jekk hemm bżonn, il-Gvern lest jiddiskuti biex jassigura li ma jkunx hemm abbuż fl-interpretazzjoni ta' xi tfisser l-emenda meta titkellem fuq riskju ta' saħħa 'gravi.'

Madanakollu qal li din id-diskussjoni ma tistax twassal biex jitneħħa xi wieħed minn "dawn il-prinċipji kardinali," jiġifieri l-protezzjoni tal-ħajja tal-omm (punt li dwaru jaqbel kulħadd) u l-protezzjoni ta' saħħitha jekk tkun f'periklu gravi.

Il-Prim Ministru qal li għall-kuntrarju ta' dak li qed jingħad, sal-lum it-tobba u anke l-ommijiet jistgħu jeħlu l-ħabs jekk jagħżlu li jtemmu tqala f'każ li l-ħajja tal-omm tkun fil-periklu, anke jekk sa issa dan qatt ma seħħ. 

Filwaqt li qal li jittama li l-ebda omm prospettiva ma tiġi bżonn din l-emenda, insista li anke jekk ikun hemm persuna waħda li tiġi bżonnha, il-Gvern huwa fi dmir li jilleġisla biex jipproteġiha.

Dwar il-petizzjoni li ġiet iffirmata mit-tobba, il-Prim Ministru qal li din ġiet iffirmata minn 450 tabib minn madwar 2,500 tabib irreġistrat f'Malta u fi kliemu, huwa ċar li hemm oħrajn li ma jaqblux magħhom.

Qal biss li huwa jirrispetta l-pożizzjoni ta' kulħadd inkluż tal-President Emeritu Marie Louise Coleiro Preca. Fakkar li kien hemm diversi ċirkostanzi fejn it-tnejn li huma ma qablux flimkien, inkluż fuq id-divorzju u anke fuq ir-riforma tal-IVF. 

Abela kien qed jirreaġixxi għad-dimostrazzjoni li saret ilbieraħ u li għaliha qed qed jingħad li attendew mal-20,000 ruħ. Professjonisti qed jinsistu li din l-emenda se tkun qed tiftaħ il-bibien beraħ għall-abort, kelma li l-Gvern qed jipprova jevita għal kollox.

Aqra wkoll:

'Robert Abela qed jibqa’ jwebbes rasu li jdaħħal l-abort f’pajjiżna' - PN

Intant, fi stqarrija, il-Partit Nazzjonalista qal li l-Prim Ministru kkonferma li se jibqa’ jwebbes rasu li jdaħħal l-abort f’pajjiżna minkejja li ma għandux il-mandat.

"Il-logħob bil-kliem li qed jagħmel Robert Abela dwar id-dħul tal-abort f’pajjiżna hu perikoluż u bih qed jinsulta l-intelliġenza tal-poplu Malti u Għawdxi. Il-Partit Nazzjonalista jisħaq li din l-imġieba anti-demokratika ta’ Robert Abela hi inaċċettabbli f’soċjetà demokratika," qal il-PN.

Insista li Abela qed ikompli jattakka lil kull min hu favur il-ħajja f’pajjiżna, inkluż akkademiċi, tobba, esperti, personalitajiet magħrufa, eks politiċi, persuni ta’ fehmiet politiċi differenti, għaqdiet mhux governattivi u l-Knisja f’Malta.

"Bil-pjan li għandu biex idaħħal l-abort f’pajjiżna, Robert Abela spiċċa dawwar lil kulħadd kontrih. Għalhekk Robert Abela għandu għażla waħda quddiemu: dik li jirtira l-abbozz ta’ liġi li bih irid idaħħal l-abort f’pajjiżna," temmet tgħid l-istqarrija.

More in Politika