Editorjal | Nuqqas ta' onestà u nuqqas ta' sensittività

L-editorjal tal-gazzetta ILLUM iħares lejn id-diskorsi kemm tal-Gvern u anke tal-Oppożizzjoni fil-Parlament dwar is-suġġett tal-abort. Il-Gvern min-naħa jrid ikun aktar onest f'dak li jgħid u li qed jipproponi iżda min-naħa l-oħra, l-Oppożizzjoni trid tkun aktar sensittiva fil-kummenti tagħha

L-onesta ma hemmx isbaħ minnha, fil-fatt espressjoni bl-Ingliż - kważi klixè - tgħid illi honesty is the best policy. U jiddispjaċina naraw illi fid-dibattitu Parlamentari li sar dwar l-emenda li qed iressaq il-Gvern u li titratta t-tqala kien hemm nuqqas ta' onesta kemm lejn il-fatti, pero' wkoll nuqqas ta' sensittività lejn dawk il-mijiet jew eluf ta' nies li fis-silenzju, mingħajr twerżiq fuq il-Facebook, mingħajr firem fil-pubbliku u mingħajr dimostrazzjonijiet fit-toroq ukoll għandhom opinjoni jew għaddew minn esperjenzi li mhumiex lesti jagħtuhom, għax indunaw li dwar l-abort f'dan il-pajjiż la qatt kien u lanqas qatt mhu se jkun hawn diskussjoni. Se jkun hawn biss preġudizzju, irrazjonalità, twerżiq u redikolar. 

Ħa nibdew bil-Gvern. Il-Gvern, l-ewwel u qabel kollox minkejja l-intenzjonijiet tajbin li nemmnu li għandu, għaffiġha bil-kbir mil-lat strateġiku. Kien jaf illi dan is-suġġett se jġib miegħu narrattiva taħraq li tittratta l-mistoqsija dwar jekk għandux ikun introdott l-abort jew le u kien messu qabel ma ressaq din l-emenda quddiem il-Parlament, spjega sew x'inhi l-intenzjoni tiegħu, x'jixtieq eżattament ibiddel fil-liġi u għaliex jixtieq jbiddel dan. Naturalment kieku kulħadd fehem mill-ewwel li dawn it-tibdiliet se jsiru biss biex jitrattaw każi fejn ħajjet l-omm tkun fil-periklu jew sitwazzjoni li twassal biex ħajjitha tkun fil-periklu, nifhmu li għajr għal erba' fundamentalisti b'għamad, kulħadd kien jaqbel. 

Dak li qed jipproponi l-Gvern għandu jissejjaħ b'ismu: Abort f'każ fejn ħajjet jew saħħet il-mara tkun ipperikolata

It-tieni problema hija l-insistenza li dan ma jissejjaħx abort. It-terminazzjoni ta' tqala, f'kull każ u għal kwalunkwe raġuni - tajba jew kappriċċuża - huwa abort! Mela jekk tabib attivament jieħu pass biex jittermina tqala li tista' tkun perikoluża għal ħajjet l-omm jew passivament jieħu deċiżjoni li twassal għal dik it-terminazzjoni (dik li insejħulha double effect u li diġà hija prattikata), dan ikun qed iwettaq abort. 

Mela, l-abort ilu magħna. Tidħkux bin-nies għeżież politiċi taż-żewġ naħat! Vera, ma konniex insejħulu abort, imma hekk kien. 

Mela dak li qed jipproponi l-Gvern għandu jissejjaħ b'ismu: Abort f'każ fejn ħajjet jew saħħet il-mara tkun ipperikolata. 

Issa, l-Oppożizzjoni u mijiet ta' tobba u professjonisti qed jgħidu li l-kelma "saħħet" tista' tkun miftuħa għall-interpretazzjoni u allura meta niġu għas-si u n-no, din tista' tintuża biex fil-fatt l-abort isir għal ħafna raġunijiet oħrajn oltrè minn sitwazzjoni ta' ħajja jew mewt. 

Mela l-Gvern irid ikun onest. Il-Gvern irid idaħħal l-abort f'każ biss ta' ħajja li hija jew tista' imminentament tkun ipperikolata? Jew irid ibiddel emenda li tħalli t-tieqa miftuħa biex l-abort isir għal raġunijiet lilhinn minn ħajja jew mewt? Il-Gvern ma jistax - u jaf li jagħmel x'jagħmel fuq din il-kwistjoni mhux se jirnexxxilu -  jipprova jintgħoġob ma' kulħadd. Mela Robert Abela irid jgħid ċar x'irid: Jekk irid iħalli bieb imbexxaq biex jidħol l-abort jgħidha u jagħmilha ċara u jekk irid jiddikriminalizza l-abort biss f'każi fejn ħajjet il-mara tkun ipperikolata, għandu jgħidha wkoll u jbiddel fejn (u jekk) hemm bżonn).

Issa nduru għall-Oppożizzjoni. Il-Partit Nazzjonalista jaf ukoll li double-effect, minkejja li legalment u fil-ktieb tal-liġi ma jissejjaħx abort, hekk hu. U jekk se ngħidu li l-ħajja tibda mill-konċepiment, mela t-tarbija li qed tiġi tterminata biex tiġi salvata ħajjet l-omm, hija ħajja wkoll. U jaf li din il-prattika ġrat mhux darba, imma ħafna drabi fl-aħħar 20 sena, li jfisser illi bl-argument tal-Oppożizzjoni stess, diversi ħajjiet ġew itterminati sabiex tiġi salvata l-omm, minkejja li ngħidu li l-abort ma għandniex f'Malta. Mhux qed ngħidu li hija prattika u argument legali ħażin, qed infakkru li dik it-tqala itterminata xorta fissret ħajja itterminata - imma taħt ċirkostanzi aktar iġġustifikati. 

Mela l-argument ta' 'għax hemm ħajja' ma jgħoddx f'din l-istanza, għalhekk id-diskors tad-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio kien l-aktar wieħed razzjonali u bis-sens mid-diskorsi kollha tad-Deputati Nazzjonalisti għax tratta dak li għandu jkun rilevanti għal din l-emenda: Jiġifieri l-interpretazzjoni tal-emenda u jekk din hux se tiftaħ il-bieb għal abort f'każi oltrè minn ħajjet l-omm. 

L-argument tal-Oppożizzjoni u speċjalment tal-Kap tagħha kellu jkun wieħed u inekwivoku, lilhinn mill-passjoni u l-ferneżiji u l-kruċjati u t-tgħajjir biex nimpressjonaw lill-aktar nies ultra-konservattivi, illi kieku għalihom dal-pajjiż jibdluh f'sagrsitija! L-argument kellu jkun legali

Dak kellu jkun l-argument tal-Oppożizzjoni, mela l-bassezzi ta' 'għax ġej il-Milied', 'rigal tal-Milied' u 'tradiment' jew inkella l-akbar bassezza minn min suppost jaf ħafna aħjar, mill-Kap tal-Oppożizzjoni. Litteralment jgħaddi biż-żmien mara li kellha tagħmel abort, jiddieħak b'kunjomha u joqgħod jgħidilha "din l-amerikana"  - biex mingħalih jgħaddiha biż-żmien. Argument tal-Conspiracy Theory! Grech il-PN imexxi ta', mhux il-Partit tal-Farfett! Nistennew ħafna aħjar u mhux aħna biss nistennew aħjar! 

L-argument tal-Oppożizzjoni u speċjalment tal-Kap tagħha kellu jkun wieħed u inekwivoku, lilhinn mill-passjoni u l-ferneżiji u l-kruċjati u t-tgħajjir biex nimpressjonaw lill-aktar nies ultra-konservattivi, illi kieku għalihom dal-pajjiż jibdluh f'sagrsitija! L-argument kellu jkun legali: Din l-emenda qed tiftaħ il-bieb għall-abort għal kwalunkwe raġuni kif inhi miktuba - mela dan huwa li qed jipproponi l-PN biex dak il-bieb jingħalaq. Punto e basta. 

More in Politika