L-għażla ta’ kap ta’ Partit

Hija għalhekk stramba li tara żewġ persuni li kienu, mhux biss politikament ħafna viċin, imma anke ħbieb fuq livell personali, jissieltu għal din il-kariga

Għal xi wħud, l-Eks Kap tal-PN Adrian Delia huwa politiku mibdul. Huwa ċar daqs il-kristall li l-ġlieda għall-kap tal-PN se tkun bejn tnejn li kienu aktar minn ħbieb. Jista’ jkun dissens momentarju imma huwa ċar li ideoloġikament m’hemmx xi differenzi kbar. It-tnejn huma konservattivi u jixprunaw politika popolista.  

Hija għalhekk stramba li tara żewġ persuni li kienu, mhux biss politikament ħafna viċin, imma anke ħbieb fuq livell personali, jissieltu għal din il-kariga. It-tnejn huma ispirati minn raġunijiet differenti biex jieħdu t-tmun f’idejhom bħala kap. Bla dubju ta’ xejn, it-tnejn huma ambizzjużi u t-tnejn iħobbu l-poter. Imma min mit-tnejn huwa l-iktar adattat biex ikun kap tal-oppożizzjoni? 

Ċertament, Delia għandu iktar esperjenza, imma mhux neċessarjament għandu aktar maturità. Hu komunikatur kbir imma għandu gwardarobba skeletri. Fost in-nies li jafuh, il-kelma vendetta kontra min niżżlu tispikka fil-lexicon tiegħu. Veru li ż-żmien ta’ Ċensu l-Iswed u l-akkużi li Caruana Galizia kienet “biċċa blogger” huma ħwejjeġ tal-passat, madankollu l-passat xorta waħda se jibqa’ jiġri warajh. 

Huwa ħabib kbir tan-negozju imma m’għandu l-ebda medalja partikolari fil-kamp politiku ħlief għas-suċċess fl-inkjesta tal-Vitals. 

Min-naħa l-oħra, Alex Borg huwa persuna ġdida, bla skeletri, bla ħmieġ mill-passat, iżda meqjus żgħir fl-età u nieqes minn kontenut. Bħal Adrian Delia huwa meqjus viċin il-klassi tan-negozju. 

Filwaqt li l-polz tat-tesserati jidher li Alex Borg huwa aktar popolari, m’hemmx dubju imma li l-missjoni li tmexxi partit fl-oppożizzjoni trid tkun ispirata minn viżjoni. 

U l-viżjoni għall-pajjiż x’inhi? Jekk hi sempliċement skuża biex ikun hemm partit fil-gvern u mhux ieħor, allura naħsbu li mhix biżżejjed.  

Fuq temi partikolari, dawn iż-żewġ mexxejja jrid ikollhom ideat ċari. Ideat li jiddistingwu l-PN mill-PL, ideat li jtejbu l-pajjiż. 

It-tesserati aktarx se jaraw ħaġ’oħra. Se jaraw min minn dawn it-tnejn jista’ jrebbaħ lill-PN. Ir-risposta hija kważi ovvja. Min diġà tilef u tilef bil-kbir ftit li xejn għandu ċans jirnexxilu. Min huwa ġdid u għandu rekord virġinali, jista’ jimxi ’l quddiem … Mhux hekk! 

More in Politika