Il-Labour jikkunsidra elezzjoni bikrija wara l-Baġit

Imma d-deċiżjoni li jmorru għal elezzjoni bikrija mhix waħda li teċita lil Robert Abela li jixtieq jagħmel sal-aħħar tal-leġiżlatura

Minkejja li hemm min jargumenta li Delia u Borg m’għandhomx ċans kontra Abela, hemm moviment fil-Partit Laburista li jemmen li Abela għandu jgħajjat elezzjoni bikrija wara l-baġit. “Kull kap ġdid fil-PN se jirnexxilu jiġbor il-vot Nazzjonalista, u jnaqqas id-distakk. U filwaqt li Abela, kelliem aħjar minn Delia jew Borg, għandu biża’ li l-elettorat ikun sempliċement qed jivvota għall-PN, riżultat ta’ ċiklu naturali ta’ kif jivvota l-elettorat.” 

Nies viċin it-tmexxija fil-PN qalulna li Alex Borg bħala kap ikun aktar diffiċli biex jiġi attakkat. “Alex huwa ġdid, mhux persuna li jħobb jikkonfronta u jevita ġlieda. Jista’ jkun li nidhru wisq aggressivi.” Min-naħa l-oħra japprezzaw li Delia jista’ jkun avversarju serju imma ċerti li hemm biżżejjed munizzjon biex iqattgħuh biċċiet. 

Imma d-deċiżjoni li jmorru għal elezzjoni bikrija mhix waħda li teċita lil Robert Abela li jixtieq jagħmel sal-aħħar tal-leġiżlatura. Imma min-naħa l-oħra, filwaqt li jemmen li jista’ jirbaħ l-elezzjoni, jixtieq li d-distakk ikun konsiderevoli. 

“Min jista’ jrebbħilna l-elezzjoni?” – jistaqsu t-tesserati Nazzjonalisti 

Fost is-17,500 tesserat tal-Partit Nazzjonalista, il-mistoqsija li qed tvenven hija waħda sempliċi. Min jista’ jrebbaħ lill-PN kontra l-Partit ta’ Robert Abela? Adrian Delia, li kien kap tal-PN? Jew Alex Borg, id-deputat żagħżugħ minn Għawdex? Sakemm morna għall-istampa kienu Delia u Borg biss il-kandidati li tefgħu isimhom għat-tellieqa biex xi ħadd minnhom ikun kap. 

Filwaqt li m’hemmx dubju li Delia huwa meqjus bħala l-iktar politiku astut u b’esperjenza mit-tnejn, hemm konsensus li diffiċli jirbaħ kontra Abela u li għandu wisq skeletri. Alex Borg, minkejja nuqqas ta’ esperjenza politika u anke nuqqas ta’ viżjoni politika, huwa frisk, bla dnub politiku, u jappella għall-votant ‘roża’ u tan-nofs. Bħal Delia huwa komunikatur tajjeb. 

Min-naħa tagħhom, il-Labour qed jagħmel minn kollox biex ma jattakkax lil Borg. Imma wieħed irid jara kif Borg ħa jaġixxi meta l-kanuni tal-Labour jibdew jisparaw fuqu. Fuq il-front ta’ viżjoni politika, it-tnejn li huma għandhom ottika simili. Konservattivi u xi kultant ankrati f’riformi soċjali tal-passat, għalkemm jidher li Borg huwa iktar miftuħ għal ċerti tibdiliet li javvanzaw aġenda liberali. 

L-aħħar mistoqsija hija kemm minnhom huma kapaċi jgħaqqdu lill-partit, u fuq dan il-binarju jidher li hemm aktar nies li lesti jabbraċċjaw lil Borg milli lil Delia fuq dan. 

Minn sorsi ġewwa l-PN, jidher li l-votazzjoni mit-tesserati se ssir qabel iż-żmien biex tiġi evitata kampanja twila bejn iż-żewġ kandidati u biex il-partit ikun jista’ jibda jaħdem fl-eventwalità ta’ elezzjoni bikrija. 

More in Politika