Analiżi | L-abort, il-Labour u l-PN... Dak li qed jinsew, jirriskjaw jew jissottovalutaw

Il-Labour mhuwiex magħmul mil-liberali biss, anzi... u l-PN mhux konservattivi biss fih imma għandu element b'saħħtu ta' votanti liberali. Ħarsa lejn il-partiti u dak li qed jissottovalutaw fin-narrattiva tagħhom dwar l-emenda li se tippermetti abort f'każ ta' periklu fuq saħħet il-mara...

Bernard Grech u Robert Abela
Bernard Grech u Robert Abela

Is-suġġett tal-abort mhux issa qam l-ewwel darba imma ilu jqum b'mod sporadiku fid-diskors politiku 'l fuq minn 20 sena, daqqa għax ġejja xi elezzjoni tal-Parlament Ewropew, daqqa għax kienet qed tiġi diskussa f'Xarabank, daqqa għax sar xi sondaġġ u daqqiet oħra għax toħroġ xi statistika li turi kemm nisa Maltin fil-fatt qed isiefru u jwettqu abort barra mill-pajjiż - speċjalment fir-Renju Unit. 

Lilhinn minn dak li ntqal fil-Parlament (ara paġni 10 u 11) u lilhinn mill-argument morali, l-abort huwa wkoll kwistjoni politika - bħal kull ħaġa oħra li d-deċiżjoni dwarha jrid jeħodha l-politiku. Għalhekk minkejja l-ħafna 'din mhux kwistjoni ta' blu u aħmar (jew aħdar)' - l-abort jibqa' wieħed mill-aktar suġġetti politiċi, għaliex jidħolx jew le jiddependi mill-ottika politika ta' dak il-Gvern: X'jifhem b'ħajja dak il-Gvern u meta jemmen li tibda? Fejn u kif jilħaq il-bilanċ bejn id-dritt tal-mara (jekk hux ħajja, saħħa jew inkella sempliċiment l-awtonomija fuq ġisimha) u d-dritt tat-tarbija jew inkella l-fetu? 

Tant hija kwistoni politika li fl-Istati Uniti - fejn naraw polarizzjoni qawwija li tixbah lil tagħna u tissupera lil tagħna (kif rajna b'attakki fuq il-Capital Hill wara l-aħħar elezzjoni) l-abort ukoll jitqajjem ħafna fuq l-aġenda politika, bi Trump u r-Repubblikani jkunu l-poster boys tal-moviment kontra l-abort. Mela definittivament l-abort hija kwistjoni politika għaliex tifred u tagħmel differenza ideoloġika u politika bejn partit u ieħor, u għaliex huwa l-eżekuttiv magħmul mill-politiċi li jridu jiddetereminaw ikunx hemm l-abort jew le u kif jiddaħħal l-abort. 
Naturalment l-abort jibqa' wkoll kwistjoni legali kif rajna fid-deċiżjoni ta' Roe vs. Wade fl-Istati Uniti u kif jaf li naraw fil-kawża kontra l-Gvern Malti ta' Andrea Prudente . Hija wkoll kwistjoni morali u reliġjuża għaliex hemm differenza fil-ħsieb dwar meta tibda l-ħajja: Dibattitu morali, etiku u xjentifiku li dwaru la qatt kien hemm u la qatt se jintlaħaq qbil. 

Imma l-għan ta' din l-analiżi mhux li janalizza dak li huwa xjentifiku, imma dak li huwa politiku u allura l-effetti li l-emenda li qed iressaq il-Gvern - li jfakkar illi ma tfissirx abort, ħlief f'każ fejn saħħet jew ħajjet il-mara tkun ipperikolata - se jkollha fuq il-Partit Laburista u l-Partit Nazzjonalista. 

Il-PL u l-PN: It-tnejn b'elementi kruċjali liberali u konservattivi

L-ebda partit mill-PN u l-PL mhu omoġenju - jiġifieri l-ebda wieħed minnhom ma hu magħmul mill-istess nies, li għandhom l-istess fehmiet. Fl-aħħar snin iżda l-Partit Laburista ppożizzjona lilu nnifsu bħala l-partit aktar liberali u dak Nazzjonalista, bħala dak aktar konservattiv. 

Il-Labour - u speċjalment Joseph Muscat - kien favur id-divorzju fl-2011 meta sar referendum illi kontra kull mistenni intrebaħ minn dawk li kienu favur l-introduzzjoni tad-divorzju. L-oppożizzjoni għall-introduzzjoni kienet qalila dakinhar u l-Partit Nazzjonalista - speċjalment Lawrence Gonzi  - kien ħa pożizzjoni kontra, flimkien mal-Knisja u diversi għaqdiet oħrajn li għandhom rabta mal-Knisja. Fl-2014 Gvern Laburista ġdid kien ippilota l-liġi tal-Unjoni Ċivili, żvilupp storiku fil-pajjiż li wassal biex għall-ewwel darba persuni tal-istess sess setgħu jifformalizzaw ir-relazzjoni tagħhom u pass li eventwalment - fl-2017 - wassal biex iddaħħal iż-żwieġ ugwali. Mill-ġdid il-PN kellu elementi mill-aktar voċiferi kontra tali bidliet, anke jekk il-partit ma ħax pożizzjoni fl-2014 (u astjena fuq il-vot) filwaqt li fl-2017 ivvota favur (għajr għal Edwin Vassallo). 

Malta Pride 2018
Malta Pride 2018

Il-Labour mexxa aġenda liberali permezz ta' diversi bidlet oħrajn li llum ftit li xejn qatt jiġu kkontestati, għajr minn elementi żgħar ħafna ta' konservattivi f'partiti żgħar: Il-Liġi tal-Ġeneru li taffetwa persuni trans, estensjoni u emendi tas-servizzi tal-IVF, adozzjoni minn koppji LGBTIQ, il-liġi li ddikriminalizzat id-droga għall-użu personali, il-Liġi li titratta l-Kannabis għal skopijiet rikreattivi u l-proċess ta' Sperm Donation, fost oħrajn. Fuq dawn il-kwistjonijiet il-PN jew kien kontra, jew kellu elementi kontra jew inkella kellu riżervi qawwijin dwarhom. 

Dan kollu jfisser li suppost id-dar "naturali" tal-konservattivi huwa l-PN u tal-votanti liberali huwa l-PL. Imma r-realtà hija bil-wisq aktar ikkumplikata minn hekk u tul is-snin deċiżjonijiet li ħadu ż-żewġ partiti fissru li fit-tnejn kien hemm - u għad hemm - element qawwi ta' taħlit u diversità fil-ħsieb. 

Grazzi għad-deċiżjoni li jilliberalizza l-ekonomija fis-snin 90 u l-fatt li kien favur s-sħubija ta' Malta fl-Unjoni Ewropea - fost oħrajn - il-PN għandu element aktar liberali fih u kellu wkoll kapijiet li kienu ħafna aktar liberali fil-ħsieb minn oħrajn. Gonzi - minkejja li huwa eks President tal-Azzjoni Kattolika - kien meqjus ftit aktar liberali minn Eddie Fenech Adami, li minkejja li kien irnexxielu jattira eluf ta' votanti liberali minħabba l-politika ekonomika u barranija tiegħu baqa' jirreżisti bil-qawwi bidliet fil-liġijiet li jirrifletti dawk fis-soċjetà. Dan huwa rifless fit-titubar tal-istess Fenech Adami biex jintroduċi Liġi li titratta l-Koabitazzjoni, anke jekk fl-1998 kien hu stess li wegħda! Gonzi beda jidher lest li jiċċaqlaq u fil-fatt - anke jekk ma kellux għażla oħra - kellu jaċċetta li jintroduċi d-divorzju. 

Eddie Fenech Adami
Eddie Fenech Adami
Lawrence Gonzi
Lawrence Gonzi

Simon Busuttil imbagħad huwa meqjus ħafna iktar ewropejista fil-ħsieb u allura b'konsegwenza ħafna iktar liberali. Huwa fatt magħruf li hu kien wieħed minn dawk fil-PN illi kienu favur Unjoni Ċivili għal koppji tal-istess sess. 

Adrian Delia u issa Bernard Grech huma ħafna inqas ewropejisti fil-ħsieb u jappellaw aktar għall-bażi konservattiva, għalkemm huwa dibattibbli min minnhom huwa l-aktar konservattiv. 

Fuq in-naħa l-oħra wkoll iżda. Il-Partit Laburista għandu bażi b'saħħitha ta' votanti li ma jarawx lill-Knisja - fis-sens istituzzjonali - f'dawl pożittiv, iżda li huma parteċipi fl-attivitajiet tal-Knisja b'mod speċjali dawk reliġjo-komunitarji u li għandhom ħsibijiet b'saħħithom ukoll fuq kwistjonijiet u liġijiet li semmejna. 

Ma ninsewx li l-ġlieda ta' Mintoff fis-snin 60 mal-Arċisqof Mikiel Gonzi u dik dwar l-iskejjel tal-Knisja ('Jew xejn jew b'xejn) immexxija minn Karmenu Mifsud - huma naturalment episodji li komplew jbiegħdu lil ħafna votanti Laburista mill-Knisja, imma fis-sens istituzzjonali tagħha u mhux neċessarjament jew awtomatikament mit-tagħlim nisrani, inkluż li l-ħajja tibda mill-konċepiment.

Ma ninsewx ukoll illi kif innota ma' din il-gazzetta l-awtur u l-eks Editur Aleks Borg il-Laburisti kienu u baqgħu mweġġgħin mill-impożizzjoni tad-dnub il-mejjet, propju għax għandhom apprezzament tal-Knisja u t-tagħlim tagħha, anke jekk wieħed naturalment irid iżomm f'moħħu li s-soċjetà ta' dakinhar hija kompletament differenti minn dik tal-lum, lanqas biss tingħaraf.
Jekk inħarsu lejn il-mexxejja Laburisti wkoll naraw li kienu Dom Mintoff u Joseph Muscat l-aktar li mexxew 'il quddiem aġenda liberali;

Mintoff bid-dikriminalizzazzjoni tas-sodomija, li kienet meqjusa bħala dikriminalizzazzjoni tal-omosesswalità, kellu l-ewwel nisa fit-tmexxija tal-partit u anke tal-Gvern (Marie Louise Coleiro Preca u Agatha Barbara), filwaqt li mexxa politika li tinkoraġġixxi s-separazzjoni assoluta bejn il-Knisja u l-istat. Imma Mintoff qatt ma ċaħad it-tagħlim tal-Knisja u qatt ma ħeġġeġ lil-Laburisti biex jiċħdu t-twemmin. 

Fil-fatt darba kien qal hekk, ftit wara li kien intlaħaq qbil bejn il-Knisja u l-Partit Laburista li permezz tiegħu tneħħa l-interdett: "Ejja ma ninsewhx dan... ejja ma ninsewhx dan. Mhux billi għamlu l-paċi magħna, użgur li jagħmlu l-paċi magħna għax kien jaqblilhom għamlu l-paċi magħna, għax kienu qed jitkissru għamlu l-paċi magħna. Ma għamlux il-paċi magħna għax huma Nsara. Aħna konna ngħidulhom, aħna l-insara mhux intom. F'wiċċhom... dakinhar...meta kienu jsawwtuna. Meta kellna lill-Gvern Ingliż jiturufna lin-nies tagħna. Meta kellna Arċisqof jiġbor lin-nies taħt l-umbrella u jgħidilhom ejja nduru kontra tagħhom dawn." 

Muscat imbgħad, ħafna iktar riċenti, beda t-triq tal-bidliet kollha li rajna tul dawn is-snin u li diġà semmejna f'dan l-analiżi. 

Iżda Karmenu Mifsud Bonnici - kif ftakarna f'mewtu ftit ġimgħat ilu kien ġej minn sfond tal-Azzjoni Kattolika, filwaqt li l-Mexxej Laburista tal-lum għandu lil missieru (Il-President Emneritus George Abela) li fil-fatt kien irrapportat illi ma kien komdu xejn bil-liġi tal-Unjoni Ċivili lura fl-2014, tant li ma ffirmahiex u sussegwentement ġiet iffirmata mis-suċċessur tiegħu Marie Louise Coleiro Preca! Dan ifisser li Robert Abela mhux eżattament ġej minn xi sfond politiku liberali. 

Dan biex ma nsemmux id-diversi Deputati Laburisti passati u kurrenti li huma attivi ħafna pastoralment, fosthom u fuq quddiem id-Deputat Carmelo Abela. 

Karmenu Mifdus Bonnici
Karmenu Mifdus Bonnici

L-għeruq, ir-rabja u kif il-Labour ħalla n-narrattiva tal-PN tirbaħ!

Mela hekk stabilixxejna li ż-żewġ partiti għandhom elementi liberali u konservattivi fuq kwistjonijiiet bħal dawn sforz l-istorja tagħhom u l-ġrajjiet politiċi li ffaċċjaw. 

Issa dak l-element Laburista konservattiv kemm hemm ċans li fuq kwistjoni bħall-abort jabbanduna lill-partit? 

Huwa ċar mill-emenda mressqa quddiem il-Parlament mill-Gvern illi l-Partit Laburista huwa konxju ta' żewġ realtajiet: L-ewwel, li l-liġi trid tkun aktar ċara biex tipproteġi saħħet jew ħajjet l-omm u anke lit-tabib, u sabiex b'hekk ma jkollniex ripetizzjoni tal-każ Prudente u anke ta' Mifsud Mora. Imma, minn naħa l-oħra l-emenda hija minima biżżejjed biex il-Partit Laburista, d-Deputati u anke l-Prim Ministru jkunu jistgħu jilgħabu b'dik li tista' tissejjaħ akrobazija verbali illi permezz tagħha jgħid li mhux idaħħal l-abort imma li fil-fatt qed jiċċara emenda, li fir-realtà hija minnha għax l-abort f'każ meta ħajjet il-mara tkun ipperikolata diġà jeżisti (u jissejjaħ b'ħafna kliem ieħor bħal terminazzjoni u double effect). 

Il-PM Abela fil-Parlament
Il-PM Abela fil-Parlament

Issa jekk dawn il-votanti li jaf ilaħħqu l-eluf jabbandunawx lil-Labour jew le hija kwistjoni oħra. Bħalissa, ma hemmx dubju, li hemm element ta' tgergir fil-Partit Laburista ta' għeruq li qed jaraw din l-emenda bħala l-introduzzjoni tal-abort, illi ma huma kuntenti assolutament xejn, anzi li huma rrabjati u qed jaqblu mal-pożizzjoni tal-PN. 

Il-PL jrid iżomm f'moħħu li minkejja aċċettazzjoni ta' bidliet li saru fl-aħħar disa' snin, il-kwistjoni tal-abort hija differenti, ħafna iktar kumplessa u li tattira ħafna iktar opinjonijiet assoluti, irrazzjonali u anke estremi - anke fi ħdan il-partit stess. Għalhekk kien żball tattiku dak tal-Partit Laburista u l-Gvern li ressaq tali bidla mingħajr ma ħaseb dwar strateġija ta' kif se jfiehem din il-bidla fuq medda itwal ta' żmien. 

Il-Gvern u Abela kellhom l-ewwel jispjegaw in-neċessità ta' tali emenda mbagħad iressquha filwaqt li jagħmlu kampanja li tispjega x'inhuma l-bidliet u għaliex huma neċessarji. Minflok dawk in-nies li ma jsegwux il-Parlament  - li wieħed jażżarda jgħid li hija l-maġġoranza kbira ħafna tal-poplu - dawk li ma jsegwux politika, li huma ħafna eluf ukoll u dawk li jsegwu l-politika mill-midja soċjali, li huma ħafna eluf oħrajn fehemu biss illi "il-Gvern se jdaħħal l-abort."

Dan ifisser li n-narrattiva tal-Partit Nazzjonalista hija dik li ħadet is-sopravvent u li ħalliet lill-Partit Laburista u lid-Deputati Laburisti jipprovaw kemm jistgħu - jekk hux b'suċċess jew le sa issa mhux ċar - ikissru l-perċezzjoni u jispjegaw dawk li qed jgħidu illi huma l-fatti. 
Imma kif jgħidu, fil-politika l-perċezzjoni hija l-fatt!  

L-unika salvauomo politiku li jista' forsi qed iserraħ ras il-Partit Laburista u lill-Prim Ministru u Mexxej Laburista huwa l-fatt li qegħdin sena u nofs eżatt 'il bogħod mill-ewwel test elettorali (elezzjoni parlament ewropew) u erba' snin u nofs 'il bogħod minn elezzjoni ġenerali. Fil-politika anke ġimgħa twila, aħseb u ara...

(Nhar il-Ħadd ili ġej il-gazzetta ILLUM tkompli tanalizza l-effett politiku ta' din l-emenda u tal-abort, iżda tħares lejn il-Partit Nazzjonalista u Bernard Grech)

 

More in Politika