Se tinfetaħ it-triq għall-abort? Dak li qalu wħud mir-rappreżentanti tiegħek fil-Parlament...

L-emenda diskussa fil-Parlament tfisser abort jew le? U tfisser abort biss f'każ fejn saħħet il-mara hija pperikolata jew se tiftaħ il-bibien għal abort f'każi oħrajn? Id-Deputati li inti vvotajtilhom x'qed jgħidu? 

Uħud minn dawk li kienu fid-dimostrazzjoni tal-bieraħ
Uħud minn dawk li kienu fid-dimostrazzjoni tal-bieraħ

L-aħħar ġimgħa kienet waħda illi matulha kienet għaddejja diskussjoni interessanti u taħraq fil-Parlament li tittratta t-tqala u allura dik l-emenda li se ddaħħal l-abort f'każ meta saħħet il-mara tqila tkun fil-periklu minħabba t-tqala. Emenda iżda li l-Oppożizzjoni qed tisħaq illi effettivament se tkun qed tiftaħ il-bibien biex jidħol l-abort għal kull każ hekk kif qed tisħaq li din hija nieqsa mid-dettalji ta' f'liema każ tabib għandu jkollu l-jedd li jwaqqaf dik it-tqala.  

Il-gazzetta ILLUM qed issewgi d-dibattitu li diġà ilu  għaddej sigħat twal u f'dawn il-paġni qed twasslilkom ftit biss minn uħud mill-aktar punti saljenti li ressqu r-rappreżentanti tagħkom dwar dan is-suġġett mill-aktar kontroversjali.  

'Mhux se ndaħħlu l-abort... Se noħolqu eċċezzjoni għal meta saħħet l-omm tkun fil-periklu' 

Id-Deputat Prim Ministru u Ministru tas-Saħħa Chris Fearne beda din il-maratona ta' dibattitu. Huwa sejjaħ dak li ressaq il-Gvern bħala "emenda favur il-ħajja"  

Spjega: Kif propost mill-Gvern il-Kodiċi Kriminali illum jekk tabib, spiżjar jew speċjalista jittermina t-tqala għal kwalunkwe raġuni jista' jeħel sa erba' snin ħabs u titteħidlu l-liċenzja għal għomru. Huwa qal illi l-liġi f'dan is-sens, se tibqa' kif inhi . Spjega wkoll kif bħalissa, bil-liġi kif inhi, jekk omm tittermina t-tqala hi stess fuqha nnifisha jew tgħid lil tabib jittermina t-tqala ukoll tista' teħel sa erba' snin ħabs. Din ukoll, se tibqa' bla mittiefes. 

Fearne qal illi l-unika differenza hija li l-liġi kif inhi sal-lum ma tagħti ebda lok għal eċċezzjoni. U allura l-Gvern se jdaħħal din l-emenda biex tqala tkun tista' tiġi tterminata meta tabib iħoss li din hija ta' periklu għal saħħet il-mara.  

Huwa jsemmi tliet eżempji: Actopic Pregnancy (meta tqala tiżviluppa fil-Fallopian Tube), f'każ ta' kanċer aggressiv u anke f'każ meta l-ilma jinfaqa' b'mod prematur.  

"Mhuwiex każ li se niftħu l-bibien għall-abort," qal Fearne.  

Huwa ċċara wkoll li meta kien qed isemmi saħħa kien qed jinkludi wkoll saħħa mentali 

'Dak ir-rigal tal-Milied tal-Gvern, liġi li tintroduċi l-abort' 

Id-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina qal illi l-maġġoranza assoluta tal-poplu ma jridx l-abort u li l-Gvern, "ħlief kliem vojt dwar il-ħajja ma għandux." 

Huwa bħal ifformola l-argument tal-Oppożizzjoni f'dan il-punt u qal li l-liġi dejjem ġiet interpretata b'mod li jekk il-ħajja tal-omm tkun fil-periklu t-tobba jkunu jistgħu jintervjenu.  

"Il-liġi dejjem ġiet interpretata b'mod li jekk it-tobba jintervjenu jekk ħajjet l-omm tkun fil-periklu, dan ma jikkostitwixxix bħala abort. Dan kien dejjem osservat minn kulħadd... Il-Qorti dejjem irrispettat dan u ħadd, qatt ma qajjem dubju, ħlief issa l-Prim Ministru u d-Deputati tal-Gvern." 

Huwa fakkar illi qatt fl-istorja tabib ma spiċċa akkużat quddiem il-Qorti għax mexa' ma' dan il-prinċipju.  

Huwa qal li dak li sostna Fearne aktar inkwetah u qal illi dan ifisser illi anke jekk persuna tkun tista' twelled huwa ġustifikat li tiġi tterminata t-tqala minħabba problema ta' saħħa mentali.  

"Xi ħadd jgħidli kif din hija aċċettabbli," qal Aquilina  

Huwa kompla jikkritika billi saħaq illi l-Gvern qed juża l-każ ta' Andrea Prudente biex jiġġustifika dawn il-bidliet fl-istess waqt li l-Avukat tal-Istat - fil-każ li l-Amerikana fetħet kontra l-Gvern Malti - qed jisħaq li ħajjet jew saħħet il-mara ma kinitx fil-periklu. 

"Issa ibgħatulna l-kartolini tal-Milied... Dak ir-rigal tal-Milied tal-Gvern, liġi li tintroduċi l-abort," saħaq Aquilina.  

'Nibbażaw id-deċiżjonijiet fuq ix-xjenza mhux il-mirakli' 

Rebecca Buttigieg, Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza, bħal Karol Aquilina, għamlet referenza għall-każ ta' Prudente u qalet illi jekk qatt kien jeżisti dubju li ħajjet l-omm jeħtieġ tkun protetta, dan il-każ wera' proprju dan.  

Hija staqsiet kif jista' jkun li jibqa' jkun hawn liġi li titfa' nisa l-ħabs, meta tinqala' kumplikazzjoni fit-tqala.  

Hija qalet li l-ġudizzju l-Gvern se jkun qed jagħmlu ibbażat fuq il-mediċina mhux fuq il-mirakli.  

"Il-Gvern kellu żewġ għażliet: Li ma jagħmel xejn jew li jisma',  jiddiskuti u jaġixxxi. Aħna ma stajna qatt nibqgħu passivi u se tkun din in-naħa tal-Kamra li terġa' twettaq il-bidla," saħqet Buttigieg.  

Hija elenkat diversi kwistjonijiet oħrajn li l-Oppożizzjoni Nazzjonalista kienet kontrihom: Id-divorzju, l-estensjoni u emendi tal-Liġi tal-IVF, Żwieġ Ugwali.... "u ma seħħet ebda katastrofi li kienet bassret l-Oppożizzjoni qabel kull waħda minn dawn il-bidliet." 

'Jekk tmut mara, kemm-il blue hero se jerfa' r-responsabilità?' 

Id-Deputat Randolph Debattista beda billi fakkar li hawnhekk il-Parlament qed jitkellem dwar realtajiet mill-aktar serji, mhux ta' mara li jkollha uġigħ ta' ras jew li ħabtet subgħajha mas-sodda u tmur tittermina t-tqala.  

"Qed nitkellmu dwar ħajja fil-periklu li tintilef. Issa jekk tmut mara waħda, kemm-il blue hero se jkollna li jerfa' r-responsabbiltà?" 

Huwa qal li l-livell politiku huwa ferm baxx meta jkun hemm min fil-Parlament u lilhinn minnu kważi jimplika li kulħadd se jibda jġib l-iskuża tas-saħħa mentali biex jagħmel abort jew inkella li t-tobba se jibdew jiffirmaw biex isir l-abort bl-addoċċ.  

"Illum qed nisimgħu argumenti li jiżirgħu l-biża'. L-istess argumenti li ġabu waqt id-divorzju meta kienu jgħidu lil dik il-mara li kienet tissawwat li d-divorzju ma kienx is-soluzzjoni. Xi kredibilità għandhom illum l-istess nies, jagħmlu l-istess argument?" 

'F'dan l-abbozz il-ħajja fil-ġuf ma tissemmiex' 

Id-Deputat Nazzjonalista Graziella Galea qalet illi dawn l-emendi jfissru ħaġa waħda: Li jiddaħħal l-abort fil-pajjiż. 

"F'dan l-abbozz fl-ebda ħin ma tissemma' it-tarbija fil-ġuf. Inżommu f'moħħna li t-tarbija fil-ġuf hija wkoll ħajja umana li ma għandhiex leħen." 

Hija wkoll qalet illi sal-lum ma kien hemm ebda omm u ebda professjonist li ttieħdu passi kontrihom, "għax il-professjonisti diġà qed jaċċertaw li l-ħajja tat-tarbija tintemm biss meta ħajjet l-omm tkun fil-periklu."  

'Tbigħux ruħkom' 

Id-Deputat Nazzjonalista Rebekah Borg appellat lid-Deputati tal-Gvern biex ma jbigħux ruħhom u saħqet illi "ma għandniex ninnormalizzaw ix-xejn mhu xejn." 

"Aħna pajjiż Kattoliku u min iħaddan ir-reliġjon Kattolika għandu jifhem x'ifisser dan l-abbozz," qalet Borg waqt li kkwotat lill-Arċisqof iwissi kif fir-Renju Unit dak li kien iddaħħal għall-eċċezzjoni spiċċa r-regola.  

"Irridu nifhmu li l-ħajja tibda mill-konċepiment," saħqet Borg.  

Kemm dak li ġara lil Andrea u anke lil Marion zgur ma jistax jerga' jiġri lil oħrajn 

Id-Deputat Laburista u eks Segretarju Parlamentari għall-Ugwaljanza Rosianne Cutajar qalet li l-każi ta' Andrea Prudente u anke ta' Marion Mifsud Mora - li t-tnejn ma ngħatawx għajnuna mit-tobba minkejja tqala li kienet se tipperikolalhom ħajjithom ma jistgħux jerġgħu jseħħu.  

Cutajar fakkret li fil-każ ta' Mifsud Mora, din tilfet it-tqala ta' 17-il ġimgħa u ma ngħatatx il-kura anke jekk  tfakkar illi din kellha infezzjoni serja u ma kienx hemm tama li t-tarbija ssalva.  

"Fl-aħħar disa' snin ħadna ħafna deċiżjonijiet kuraġġużi, b'konvinzjoni anke meta ma kinux deċiżjonijiet faċli," sostniet Cutajar.  

Hija fakkret illi l-liġi li l-Gvern irid ibiddel inkitbet 168 sena ilu u staqsiet lid-Deputati Nazzjonalisti: "Meta tmorru tħabbtu l-bibien u tiltaqgħu mat-tfajliet u l-ommijiet tgħidulhom li tippreferu illi jirriskjaw ħajjithom milli titbiddel il-liġi?" 

'Il-Gvern għandu mandat?' 

Il-Kelliem tal-Oppożizzjoni għas-Saħħa u t-Tabib Stephen Spiteri sostna li huwa veru li jkun hemm mumenti u interventi li jkollhom isiru biex il-ħajja tal-omm u/jew tat-tarbija jkunu salvati u ammetta wkoll li jkun hemm sitwazzjonijiet fejn it-tqala jkollha tkun itterminata.  

Huwa ammetta wkoll li hemm realtajiet ta' saħħa mentali bħal suwiċidji, imma  sostna illi f'40 sena qatt ma nzerta li kien hemm każ ta' suwiċdji ta' nisa tqal, għalkemm sostna wkoll li f'każi ta' suwiċidji kkontemplati hemm u għandu jibqa' jkun hemm l-għajnuna kollha neċessarja tal-professjonisti u ħaddiema soċjali biex tkun mgħejjuna l-omm u salvata t-tarbija.  

"Il-Gvern  qed jagħti widen? Dan il-Gvern tela' b'mandat li jagħmel liġi li tittermina ħajja fil-ġuf?" staqsa d-Deputat Spiteri.  

'Kellkom tħallu mara tasal f'xifer il-mewt biex tiddeċiedu?' 

Id-Deputat Laburista u t-Tabib Malcolm Borg Galea qal illi t-tobba dejjem jagħmlu dak kollu li huwa possibbli b'rispett lejn il-ħajja u li l-ewwel obbligu tiegħu jibqa' li jipprova jsalva l-ħajja tat-tarbija.  

"Imma f'ċerti każi, bħal fil-każ ta' Andrea Prudente, kellek 16-il ġimgħa tqala ta' mara li infaqalha l-ilma b'mod prematur, imma qalb it-tarbija baqgħet tħabbat u talbet li tagħmel abort biex tibqa' ħajja."  

Filwaqt li fakkar li t-tobba ma setgħux jagħmlu dan sostna li probabbilment żewġha kien jistaqsi: "Kellkhom għalfejn tħallu lill-mara tasal f'xifer il-mewt biex tiddeċiedu? Immaġina jkollok lil bintek l-ITU u tistaqsini x'qed nistenna biex inwaqqaf it-tqala u ngħidlek minħabba l-liġi." 

Huwa sostna li għalhekk deċiżjoni bħal din ma għandhiex tittieħed  meta persuna tkun bejn ħajja u mewt u huwa propju għalhekk, ikompli jispjega li qed titressaq din il-liġi.  

'Ma nħallux vojt fl-emenda li tista' toħloq diffikultajet akbar' 

Id-Deputat Nazzjonalista Joe Giglio għamel argument ħafna iktar legali, aktar milli morali għalkemm xorta insista li din l-emenda se tkun qed tiftaħ it-triq biex "għall-ewwel darba tiddaħħal liġi li tittermina t-tqala."  

Huwa qal li filwaqt li kulħadd jirrikonoxxi li jkun hemm sitwazzjonijiet li jwasslu biex tqala tkun itterminata u li jpoġġu lit-tobba f'sitwazzjoni diffiċli din l-emenda mhux se tgħin għax tirreferi għal sitwazzjoni ta' saħħa li "tista' tkun" ta' detriment fuq saħħet il-mara.  

Huwa qal li kelma "tista' twassal għal problemi" ta' saħħa hija vaga wisq u ma twassalx għal ċertezza legali. "Għax meta tista'? F'liema mument tkun tista'? "Tkun tista'" ma tagħtix iċ-ċertezza legali."  

Huwa qal li anke l-kelma "saħħa" trid tkun iċċarata, inkella qal li se tingħata bħal liċenzja li kulħadd juża kull tip ta' saħħa mentali biex jagħmel abort.  

"Ma nħallux vojt fl-emenda li tista' toħloq diffikultajiet akbar."  

'L-abort kien, għadu u se jibqa' reat' 

Id-Deputat u eks Minstru tal-Ġustizzja Edward Zammit Lewis sostna li hija gidba illi se jiddaħħal l-abort u sostna li l-abort  "kien u se jibqa' reat u r-reat ma tneħħiex. Għamilna proviso għalih," saħaq waqt li kkritika lill-Oppożizzjoni illi, skont hu, hemm membri tagħha li tkellmu fil-Parlament u li evidentement lanqas biss qraw l-emenda.  

"Jgħidu li għandhom fiduċja fit-tobba u l-kirurgi u l-ġudizzju tagħhom, pero' biex nagħtih protezzjoni jekk għal li jista' jkun hemm prosekuzzjoni kriminali, biex tabib jiddefendi lilu nnifsu, hekk le."  

Huwa qal illi l-argument tal-Oppożizzjoni li din l-emenda ma għandhiex tidħol għax ħadd ma tressaq hija "banali" u fakkar li jista' jkun hemm każ ta' kwerela kontra tabib f'każ bħal dan.  

Huwa bbottja wkoll diversi drabi dwar il-fatt li l-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola qalet illi hija favur l-abort, għax din hija l-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew.  

'Tradiment' 

Id-Deputat Nazzjonalista Beppe Fenech Adami ddeskriva din l-emenda bħala "tradiment" tal-Partit Laburista u ta' Robert Abela kontra dawk li jsejjaħ "Laburisti ġenwini."  

"Għallinqas partiti żgħar kellhom id-diċenza jgħidu li huma favur l-abort... Il-PN u l-PL kienu ddikjaraw li mhux jdaħħlu l-abort seba' xhur ilu."  

Huwa akkuża lill-Partit Laburista illi tradixxa l-valuri tiegħu u li dawk li vvotawlu.  

Huwa qal li aktar kemm ikun hemm min jgħid li din l-emenda mhix abort minn naħa tal-Gvern, iktar qed joħorġu tobba, professjonisti u akkademiċi li qed jgħidu illi din l-emend hija fil-fatt abort.  

Filwaqt li akkuża lill-PM Abela b'arroganza saħaq li persuni bi sfidi ta' saħħa mentali għajnuna għandhom bżonn u mhux min iwiegħdhom li jistgħu joqtlu t-tarbija fil-ġuf.  

"Kunu vuċi ta' min ma għandux, kunu l-vuċi favur il-ħajja... Aħna se nivvotaw kontra din il-liġi." 

More in Politika