‘Niżbaljaw jekk għal xi mument naħsbu li nistgħu nħassru dak li ġara ħames snin ilu, mill-istorja’

Abela saħaq li bir-riformi li għamel il-Gvern, isaħħet l-indipendenza u t-trasparenza tal-Qrati biex dak li ġara ma' jerġax jitħalla jirrepeti ruħu

F’attività politika f’Ħaż-Żebbuġ il-Prim Ministru Robert Abela stqarr li l-assassinju tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kien wieħed mill-agħar episodji fl-istorja ta' pajjiżna u għaldaqstant saħaq li "nkunu qed niżbaljaw jekk għal xi mument, naħsbu li nistgħu ninsew jew inħassru dak li ġara ħames snin ilu, mill-istorja ta' pajjiżna."

Imdawwar b'diversi deputati u membri Parlamentari, Abela saħaq li l-akbar vittmi ta' dan l-assassinju kienu l-familja Caruana Galizia, "li f'kull okkażjoni li tkellimt magħhom, anke wara li ġiet ippublikata l-inkjesta, stajt nara l-weġa' tal-familja li tilfet omm." 

Żied jgħid li dan l-episodju, ma jissimbolizzax il-valuri tal-poplu Malti iżda madankollu il-pajjiż irid jibqa' jitgħallem minnu. Kien għalhekk li qal li l-pajjiż kellu jibgħat sinjal b'saħħtu li "dak li ġara mhux aċċettabbli u s-sentenza tal-Qorti ta' nhar il-ġimgħa, kienet pass ieħor lejn il-ġustizzja."

Fakkar li issa hemm tliet persuni li huma ikkundannati u li qed jiskontaw piena karċerarja filwaqt li għad hemm tliet persuni li qed jistennew li jibda' l-guri tagħhom u li b'hekk ,"il-ġustizzja għandha tieħu l-perkors tagħha quddiem il-Qrati. Bir-riformi li għamilna saħħaħna l-indipendenza u l-imparzjalità tal-Qrati u bħala leġiżlaturi bagħtna l-messaġġ li rridu ġustizzja effettiva u b'saħħitha."

Kien hawn li huwa kompla d-diskors tiegħu billi elenka l-aħħar riformi tal-ġustizzja kif ukoll dawk l-abbozzi li permezz tagħhom għandhom jagħtu protezzjoni aħjar lill-ġurnalisti waqt il-qadi ta' dimirijiethom. 

Qal li fl-aħħar sentejn u nofs "tlaqna fuq proċess b'saħħtu ta' riformi. L-ħtieġa għal dawn ir-riformi kienu hemm u fil-fatt iż-żmien uriena li meta titlaq fuq proċess ta' riformi b'saħħtihom - għax tkun konvint minnhom - iħallu l-frott." 

Jekk hemm xi ħadd li mingħalih se jipprova jaħrab mill-kors tal-ġustizzja, b'xi manuvra jew oħra, jgħarralu. Robert Abela

Huwa għamel referenza għall-aktar riforma riċenti, dik li se tiġi diskussa għada b'urġenza fil-Parlament. Il-Gvern qed jipproponi emendi leġislattivi biex jaqta' kwalunkwe lok ta' abbuż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, b'mod partikolari fejn tidħol il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest. 

Temm jgħid li dawn ir-riformi qed jibgħatu messaġġ ċar li "episodju ieħor bħal ma rajna ħames snin ilu, ma jerġax isir bħalu."

Aqra aktar dwar l-aħħar analiżi ta' dan is-sit dwar l-aħħar ħames snin: Hawnhekk 

More in Politika