Aġġornata | Il-Qorti se tkun tista' tibda twaqqa' każi ta' malafama kontra ġurnalisti jekk ma jkollhomx bażi

Il-Ministru Jonathan Attard iħabbar elenku ta' riformi fil-qasam tal-ġurnaliżmu, inkluż pieni aktar ħorox jekk isiru reati fuq ġurnalisti minħabba l-qadi ta' dmirijiethom

Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard ħabbar elenku ta' riformi li se jolqtu lis-settur tal-midja Maltija. Permezz ta' dawn l-emendi l-ġodda, jekk il-Qorti ssib li persuna fetħet kawża ta' malafama kontra ġurnalist jew editur mingħajr akkużi fondati, il-proċeduri ma jitkomplewx. Apparti minn hekk permezz ta' din l-emenda, jekk il-każ ikun bla bażi, għandha tkun il-persuna li fetħet il-każ li tressaq evidenza li dak huwa każ ġenwin u mhux bl-intenzjoni li jintimida jew iwaqqaf lill-ġurnalist minn xogħlu

Fost ir-riformi Attard saħaq li bil-liġi għandu jiġi stabbilit kumitat, immexxi mis-Segretarju Permanenti tal-Ministeru responsabbli mis-Sigurtà flimkien mal-Kummissarju tal-Pulizija, il-Kap tas-Servizz tas-Sigurtà u l-Kap Kmandant tal-Forzi Armati.  Dan il-kumitat ikun jista' mhux biss jevalwa r-riskji u t-theddid fil-konfront tal-ġurnalisiti, professjonisti oħra tal-midja u persuni pubbliċi, iżda jintervjeni u jieħu miżuri, kemm dawk immedjati u dawk fit-tul. 

Punt interessanti li għamel referenza għaliha Attard huwa li fil-Kodiċi Kriminali se jiddaħħal il-kunċett li jekk ikun hemm reat fuq il-persuna ta' ġurnalist jew fuq persuna li taħdem fil-midja, minħabba l-funzjonijiet li tkun wettqet, dan jitqies bħala reat aggravat u allura l-pieni jkunu ħafna iktar ħorox. Tajjeb li nsemmu wkoll li minn issa, ir-rikonoxximent tal-protezzjoni tal-ġurnalisti u tas-sorsi tagħhom se jkunu elevati għal-livell kostituzzjonali. 

L-emendi se jissiġillaw fil-kostituzzjoni l-obbligu tar-rispett lejn il-libertà u l-pluraliżmu tal-midja u l-importanza tal-irwol tal-ġurnalisti Il-Ministru Attard

X'inhuma l-emendi ġodda fl-Att dwar il-Midja u l-Malafama?

  • F'kawżi ta' malafama, ġurnalist jew persuna li taħdem fil-midja, tħallas lir-Reġistru tal-Qorti mhux meta tiġi preżentata r-risposta, iżda skont is-sentenza tal-Qorti meta tintemm il-kawża. 
  • L-Att dwar il-Midja u l-Malafama se jipprovdi għall-każi, meta l-ġurnalist jew l-editur imut fi żmien meta l-proċeduri ċivili għall-malafama ikunu bdew jew għandhom bżonn jitkomplew. 
  • La darba l-Qorti tiddeċiedi l-kawża fuq il-mertu, jiġifieri jekk hux każ ta' malafama jew le, din ma timponix danni kontra l-eredi tal-ġurnalist jew editur mejjet. 
  • F'każ li l-ġurnalist jew l-editur ikun mejjet, il-Qorti se jkollha d-dritt li tordna illi l-proċeduri ma jitkomplewx f'każ li ma tkunx tista' tiddeċiedi dwar il-malafama.

Il-Ministru Jonathan Attard
Il-Ministru Jonathan Attard

Il-ġurnalisti kif se jiġu protetti minn kummenti u insulti fuq il-midja soċjali? 

Dan is-sit staqsa lil-Attard dwar il-kummenti dispreġjattivi u anke insulti li diversi ġurnalisti jiltaqgħu magħhom ta' kuljum u kif se jiġu protetti jekk il-liġi tal-hate speech titratta biss inċitar ta' vjolenza. Huwa wieġeb li, "m'għandniex naraw dawn is-sett ta' emendi waħedhom", u saħaq li bħala Ministru qiegħed jaħdem fuq leġislazzjoni oħra li titratta s-cyberbullying li għandu jinidrizza dawn is-sitwazzjonijiet ukoll. 

Intant dwar l-ISLAPP, jiġifieri meta persuna tiftaħ kawża ta' malafama kontra ġurnalist barra minn Malta bil-għan li tintimida permezz ta' theddida ta' falliment finanzjarju, Attard ħabbar li b'dawn l-emendi, id-danni u l-ispejjeż li jiġu ordnati jitħallsu jkunu ekwivalenti ta' dak li kien ikollu jitħallas skont il-liġi ta' Malta. Apparti minn hekk, jekk il-Qorti Maltija tqis li din il-kawża SLAPP se tkun qiegħda tikser id-dritt għal-libertà tal-espressjoni, tiċħad l-eżekuzzjoni tas-sentenza. 

Meta l-ILLUM staqsiet, dwar x'jagħti d-dritt lil persuna li tiftaħ kawża ta' SLAPP barra minn xtutna, Attard wieġeb li l-liġi speċifikament tgħid li każ li huwa marbut "sostanzjalment" ma' Malta, irid jinfetaħ Malta. Meta mistoqsi mis-sit illum.com.mt x'jiġri f'każ ta' artiklu li jitratta persuna li għandha kariga f'Malta, iżda l-artiklu jagħmel referenza għall-każ ta' allegat nuqqas barra minn Malta, il-Ministru ta indikazzjoni f'każi li jitrattaw materji ta' barra, l-ISLAPP se tibqa' possibilità. 

L-ILLUM reġgħet staqsiet fuq każijiet bħal dawn u hawn Attard saħaq li hemm diversi raġunijiet għaliex persuna tagħżel li tiftaħ kawża barra minn xtutna fosthom; li dak li jkun jista' jieħu kumpens ikbar minn Qrati barranin u li persuna tista' tuża tattiċi biex id-deċiżjoni tiġi favurih. 

Attard saħaq ukoll li din hija liġi innovattiva u li pajjiżna se jkun minn ta' quddiem bħala stat membru li jagħmel leġislazzjoni fuq dan is-settur. "Infakkar li d-diskussjoni għadha għaddejja fuq livell ewropew u ċert li eventwalment se naraw u nassiguraw li jekk ikun hemm direttiva li tkompli ttejjeb dawn l-emendi, nimplimetawha," temm jgħid Attard. 

More in Politika