Qbil bejn il-Gvern u l-Oppożizzjoni biex l-emendi fir-regoli dwar il-ħelsien mill-arrest jgħaddu f'seduta Parlamentari waħda

L-emendi għandhom l-għan li akkużati ma jkunux jistgħu jużaw 'toqob' fil-liġi biex itawwlu l-proċess bil-għan li jieħdu awtomatikament il-ħelsien mill-arrest

 

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Jonathan Attard ħabbar li nhar it-Tnejn li ġej se tkun qed issir seduta speċjali Parlamentari li fiha se jkunu qed jiġu diskussi u jgħaddu minnufih l-emendi li l-Gvern ressaq għar-regoli dwar il-ħelsien mill-arrest.

Fuq Facebook, il-Ministru qal li bl-emendi, il-Gvern bagħat sinjal ċar li m’għandux ikun hemm logħob mal-amministrazzjoni tal-ġustizzja.

Il-Partit Nazzjonalista minnufih qabel mal-emendi li l-Gvern ħabbar ilbieraħ u talab biex ikun hemm seduta waħda Parlamentari li fiha jsiru l-proċessi Parlamentari kollha biex l-emendi jidħlu fil-liġi kemm jista' jkun malajr.

Preżentament, il-Kodiċi Kriminali jipprovdi li l-ħelsien mill-arrest jingħata kważi b'mod awtomatiku jekk smigħ ta’ kawża ma jseħħx fi żmien 30 xahar, f’każ li persuna tkun akkużata b’reat li jkun punibbli bi 15-il sena ħabs jew iżjed.

L-emendi legali ppubblikati llum jipprovdu għas-sospensjoni ta' dawn it-termini, f'każ li l-akkużat iwaqqaf smigħ ta' kawża, billi jikkaġuna ħsara lilu nnifsu, bħal pereżempju strajk tal-ġuħ.

Meta jiġri hekk, is-smigħ ta' kawża ma jkunx jista' jseħħ.

Għalhekk l-emendi jgħidu li jekk dan iseħħ, it-terminu jkun sospiż għal xahrejn jew inkella għal kemm iddum il-ħsara li akkużat ikun qed jikkawża lilu nnifsu.

Fi kliem sempliċi, akkużat ma jkunx jista' jwettaq ħsara lilu nnifsu bit-tir li jilħqu jgħaddu dawn it-30 xahar, is-smigħ ikun għadu ma bedix u awtomatikament jingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan għax il-perjodu jkun bħal 'iffriżat' u jerġa' jibda japplika meta l-akkużat iwaqqaf il-ħsara fuqu nnifsu.

More in Politika