Il-Gvern iħabbar abbozz ta' liġi biex inaqqas l-abbuż fir-regoli tal-ħelsien mill-arrest

Il-Partit Nazzjonalista jgħid li jaqbel u qal li għandu jitlaqqa' l-Parlament b'urġenza u l-abbozz ikun approvat f'seduta waħda straordinarja

Il-Gvern qed jipproponi emendi leġislattivi biex jaqta' kwalunkwe lok ta' abbuż fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja, b'mod partikolari fejn tidħol il-kwistjoni tal-ħelsien mill-arrest.

Preżentament, il-Kodiċi Kriminali jipprovdi li l-ħelsien mill-arrest jingħata kważi b'mod awtomatiku jekk smigħ ta’ kawża ma jseħħx fi żmien 30 xahar, f’każ li persuna tkun akkużata b’reat li jkun punibbli bi 15-il sena ħabs jew iżjed.

L-emendi legali ppubblikati llum jipprovdu għas-sospensjoni ta' dawn it-termini, f'każ li l-akkużat iwaqqaf smigħ ta' kawża, billi jikkaġuna ħsara lilu nnifsu, bħal pereżempju strajk tal-ġuħ.

Meta jiġri hekk, is-smigħ ta' kawża ma jkunx jista' jseħħ.

Għalhekk l-emendi jgħidu li jekk dan iseħħ, it-terminu jkun sospiż għal xahrejn jew inkella għal kemm iddum il-ħsara li akkużat ikun qed jikkawża lilu nnifsu.

Fi kliem sempliċi, akkużat ma jkunx jista' jwettaq ħsara lilu nnifsu bit-tir li jilħqu jgħaddu dawn it-30 xahar, is-smigħ ikun għadu ma bedix u awtomatikament jingħata l-ħelsien mill-arrest. Dan għax il-perjodu jkun bħal 'iffriżat' u jerġa' jibda japplika meta l-akkużat iwaqqaf il-ħsara fuqu nnifsu.

Dan l-abbozz ta’ liġi kien konġuntament preżentat mill-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard u mill-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri. 

Il-Ministru Jonathan Attard qal li din l-emendi tkompli tikkonferma l-impenn tal-Gvern li jassigura li ma jkunx hemm abbużi mill-proċessi ġudizzjarji. Dan b’rispett lejn il-vittmi, qrabathom u s-soċjetà inġenerali, u biex b’hekk verament issir ġustizzja. 

Il-Ministru Byron Camilleri tkellem dwar l-importanza illi l-amministrazzjoni tal-ġustizzja ssir fi żmien raġonevoli u li l-użu ta’ tattiċi għad-dewmien jiġi miġġieled.  

Il-PN jaqbel ... 'għandu jitlaqqa' l-Parlament b'urġenza u l-abbozz jgħaddi f'seduta waħda straordinarja'

Fir-reazzjoni tiegħu il-Partit Nazzjonalista qal li jaqbel ma' dan l-abbozz li ppreżenta l-Gvern għax insista li ħadd ma għandu jitħalla jaħrab mill-ġustizzja minħabba "nuqqasijiet fil-liġijiet ta’ pajjiżna f’ċirkostanzi li qatt ma seħħew qabel fis-sistema tal-ġustizzja f’pajjiżna."

Qal li jistenna li l-Parlament għandu jitlaqqa’ b’mod urġenti, inkluż għada l-Ġimgħa wara nofsinhar jew fi tmien il-ġimgħa biex l-abbozz ta’ liġi jiġi diskuss u mgħoddi mill-istadji kollha mill-Parlament f’seduta waħda straordinarja.

"Il-Partit Nazzjonalista jemmen li l-Parlament għandu jibgħat messaġġ b’saħħtu favur is-saltna tad-dritt f’pajjiżna u ta’ appoġġ sħiħ u inkondizzjonat lil dawk kollha li jwettqu dmirijiethom fis-sistema tal-ġustizzja ta’ pajjiżna," qalet l-istqarrija.

More in Politika