'Aħna ħatja'... 40 sena ħabs għall-aħwa Degiorgio wara li jinsabu ħatja bil-qtil ta' Daphne

Żvilupp drammatiku fil-Qorti llejla - Hekk kif illum beda l-ġuri - kontra l-aħwa Degiorgio b'sitt akkużi fuq rashom... Jammettu l-ħtija

Kien mument ta' żvilupp mhux mistenni u drammatiku llejla hekk kif l-avukat Difensur Simon Micallef Stafrace informa lill-Qorti illi l-klijenti tiegħu - Alfred u George Degiorgio - qed jammettu l-ħtija tagħhom fl-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia, kontra dak mistenni hekk kif illum beda l-ġuri kontra dawn iż-żewġ aħwa. 

Minkejja li l-ġuri li beda llum fil-konfront ta' Alfred u George Degiorgio kellu jkompli fit-3:00 p.m - wara waqfa qasira - fil-fatt ma kompliex hekk kif ħadd ma reġa' lura fl-awla ħlief l-akkużati, mal-avukati tagħhom. Ftit wara dehru l-avukati li qed jidhru parte civile deħlin u ħerġin fl-awla fl-ewwel indikazzjoni li kien hemm xi ħaġa mhux f'lokha li kienet qed isseħħ. 

Informazzjoni li ngħatat lis-sit maltatoday tindika illi malli l-Assistent Avukat Ġenerali Philip Galea Farrugia beda jispjega li l-burner phones kienu qed jikkorrispondu mal-mowbajls tal-akkużati, George Debono dar fuq ħuħ u qallu "ma għandniex minn fejn noħorġu..." U qallu wkoll li aħjar iwieġbu "ħatja." 

Għalhekk l-Imħallef li kien qed jippresiedi talab lil-Psikjatri - Dr Mario Scerri u Beppe Micallef Trigona - sabiex jeżaminaw lill-akkużati u b'hekk jaċċerta li dawn jinsabu fi stat mentali san sabiex ikun assigurat li huma ammettew il-ħtija waqt li kienu mentalment b'saħħithom. 

Meta tela' jixhed, hekk kif is-seduta reġgħet bdiet, Scerri qal li hu kien eżamina lil Alfred Degiorgio meta kien beda strajk tal-ġuħ, u qal li mill-bieraħ sal-lum is-sitwazzjoni "medika" tiegħu kienet waħda tajba. Micallef Trigona ukoll qal li eżamina lill-akkużati u rriżulta li dawn huma fi stat mentali tajjeb u li jafu x'inhuma jagħmlu. 

Għalhekk il-Qorti staqsiet lill-akkużati kif iwieġbu għas-sitt akkużi kontrihom (ara aktar l'isfel x'inhuma) bit-tnejn iwieġbu: "Ħatja." Il-Qorti fakkrithom li l-akkużi fil-konfront tagħhom jistgħu jfissru għomor il-ħabs u allura reġgħet staqsiet lill-aħwa Degiorgio kif iwieġbu. 

"Ħatja," reġgħu sostnew.

Philip Galea Farrugia, fid-dawl ta' dan ressaq applikazzjoni flimkien mad-difiża illi magħha qed jaqblu l-avukati parte civile. Fiha huma qed jitolbu li l-akkużati jingħataw sentenza ta' 40 sena priġunerija. 

Għalhekk l-Imħallef Edwina Grima qablet fis-sentenza tagħha li l-akkużati jingħataw sentenza ta' 40 sena priġunerija, kif ukoll li jħallsu €42,930 kull wieħed fi spejjeż. 

L-akkużi li fuqhom l-aħwa Degiorgio nstabu ħatja huma sitta:

  • ​​L-omiċidju ta' Caruana Galizia
  • L-ikkawżar ta' splużjoni li wasslet għall-mewt ta' persuna
  • Il-pussess illeċitu ta' splussivi
  • Konfoffa bil-għan li jitwettaq qtil
  • Organizzar jew finanzjament ta' organizzazzjoni bil-għan li jitwettaq reat li jġib miegħu sentenza ta' aktar minn 4 snin ħabs
  • Parteċipazzjoni f'konfoffa ta' żewġ persuni jew aktar bl-intenzjoni li jitwettaq reat

Ara wkoll x'qalu l-aħwa Degiorgio lill-familja wara li ingħatat is-sentenza

Ara x'qalu l-Prim Ministru u l-Kap tal-Oppożizzoni wara s-sentenza tal-Qorti 

Ara x'qalet il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola wara li l-aħwa Degiorgio nstabu ħatja

AKTAR KMIENI: Intant fil-bidu tal-ġuri dalgħodu George Degiorgio nfexx jgħajjar lill-Qorti u qal li s-sistema ġudizzjarja f'Malta hija "korrotta."

"Intom it-tnejn mhux ippreparati," qal liż-żewġ avukati li se jkunu qed jiddefendu lilu u lil ħuh waqt li insista li ma għandux fiduċja fihom (ara iżjed 'l isfel għaliex). "Tafu min qatel lil Daphne. Dawk li kienu qed iħokku magħkom."

Imbagħad dahar lejn l-Avukati tal-familja Caruana Galizia, Therese Comodini Cachia u Jason Azzopardi, it-tnejn eks Deputati tal-PN.

"Anke l-Partit Nazzjonalista. Insejtnuna mill-istamperija," kompla jgħid. "X'diżastru ta' post. Il-Qorti korrotta. Il-Maġistrati korrotti."

Fl-aħħar dahar ukoll jgħajjar lill-Imħallef u anke lill-midja li qed tirrapporta l-każ.

"Niltaqgħu l-infern," qalilhom.

Il-Qorti ma tilqax rikors biex il-ġuri jkun pospost

L-Avukat Simon Micallef Stafrace qal li dalogħdu ġie pprezentat rikors b’urġenza biex il-ġuri ma jinstemax illum anke jekk il-Qorti insistiet miegħu li sa issa ma hemm l-ebda ordni biex il-ġuri ma jinstemax. Fil-fatt, ftit wara, il-Qorti Kostituzzjonali ċaħdet dan ir-rikors u għalhekk il-ġuri seta' jkompli mingħajr tfixkil.

Id-Difiża qed tisħaq li ma kienx hemm biżżejjed żmien biex tipprepara u ssir familjari mal-għadd kbir ta' evidenza u provi li hemm f'dan il-każ. Ta' min ifakkar li l-Avukat William Cuschieri waqaf jiddefendi lill-aħwa u għalhekk il-Qorti kellha ssib hi avukati biex jiddefendu lill-akkużati skont il-liġi, għax huma baqgħu ma sabux.

Iż-żewġ akkużati qed iwieġbu mhux ħatja. Huma qed ikunu akkużati li wettqu l-qtil ta' Daphne Caruana Galizia li seħħ fis-16 ta' Ottubru 2017 ftit passi 'l bogħod mir-residenza tagħha fil-Bidnija. 

L-ewwel parti tal-ġuri kienet tinkludi l-għażla tal-ġurati, fejn il-Prosekuzzjoni u d-Difiża riedu jaqblu fuq kull persuna li se jkollha dan l-inkarigu importanti li fl-aħħar mill-aħħar tiddeċiedi jekk l-akkużati humiex ħatja jew le. Il-ġurati se jkunu ħamest irġiel u erba' nisa.

L-ewwel intopp

L-ewwel intopp għal dan il-ġuri seħħ propju kmieni dalgħodu meta Alfred Degiorgio, allegatament, ipprova jibla' xi pirmli ta' priġunieri oħra, bil-għan li ma jkunx jista' jitla' l-Qorti.

Madanakollu huwa xorta waħda ttieħed il-Qorti fuq siġġu tar-roti, mgħotti bi gverta u b'infermiera bilqiegħda ħdejh.

Jinqraw id-dettalji kollha ta' dak li seħħ, inkluż tal-istat li fih instabet Daphne

Il-ġuri beda billi nqara l-Att tal-Akkużi fil-konfront taż-żewġt aħwa liema att jagħti d-dettalji kollha ta' dak li seħħ, inkluż dettalji grafiċi tal-istat li fih instabet maqtula Daphne Caruana Galizia.

Jgħid li George Degiorgio ħareġ fuq cabin cruiser u żamm biżżejjed distanza mill-kosta biex jibqa' jkollu reception fil-mowbajl.

Ħuħ Alfred baqa' viċin il-Bidnija biex isegwi l-passi tal-ġurnalista u biex jinforma lil ħuh meta din tidħol fil-karozza u tibda ssuq.

George, uża mowbajls separati u bagħat messaġġ li attiva l-bomba li kienet diġà tpoġġiet fil-karozza.

"Partijiet minn ġisimha kienu qed jiġru 'l hemm u 'l hawn barra mill-karozza, filwaqt li partijiet oħra baqgħu fil-vettura maħruqa," ikompli jgħid l-Att.

"Tridu tħarsu lejn il-fatti, taslu għall-konklużjonijiet mill-evidenza li se tkunu murija u li jkunu liberi mill-biża' jew inkella influwenza oħra esterna jew preġudizzju li jista' jkollkom," appellat l-Imħallef Edwina Grima lill-ġurati. 

More in Politika