Qtil Daphne | ‘Issa jmiss lil dawk li ordnaw u ħallsu għall-qtil u dawk li pproteġewhom’

Roberta Metsola tisħaq li l-ammissjoni tal-aħwa Degiorgio mhix ġustizzja iżda biss 'pass żgħir ‘il quddiem'

Il-President tal-Parlament Ewropew Roberta Metsola tirreaġixxi għall-aħħar żvolta fil-każ tal-qtil ta’ Daphne Caruana Galizia u tisħaq li issa jmiss "lil dawk li ordnaw u ħallsu għall-qtil tal-ġurnalista Daphne Caruana Galizia, kif ukoll dawk li pproteġewhom."

F’kumment li tefgħet fuq il-midja soċjali hija saħqet li pajjiżna kif ukoll il-familja Caruana Galizia għamlu ħames snin f’agonija u li l-ammissjoni tal-aħwa Degiorgio mhux ġustizzja, “iżda biss pass ‘il quddiem."

Temmet tgħid li illum Daphne xorta ma tistax tibqa’ tikteb fil-blog tagħha ‘Running Commentry’, tgawdi lill-ulieda u n-neputijiet u tqatta siegħat fil-ġnien mal-maħbubin tagħha.

L-istess sentiment kien espress mill-Membru Parlamentari Ewropew Nazjzonalista David Casa li sostna illi biex issir il-ġustizzja "dawk kollha involuti jridu jiffaċċjaw il-ġustizzja. Mhux biss dawk li poġġew il-bomba u attivawha imma wkoll dawk li ordnaw illi tinqatel... U dawk fil-poter li pproteġewhom."

More in Politika