Analiżi | Protesti, riżenji, arresti u ġlied intern... Malta wara l-qtil ta' Daphne

Għaddew ħames snin. Ħames snin ta' taqlib politiku enormi hekk kif rajna l-aktar Prim Ministru popolari jirriżenja, wieħed mill-akbar negozjanti akkużat bi qtil, Malta fil-Lista l-Griża u partit mifrud. L-ILLUM tħares lura lejn r-riperkussjonijiet tas-16 ta' Ottubru 2017...

Nhar is-16 ta' Ottubru 2017, fit-tlieta ta' wara nosfinhar inqatlet ġurnalista permezz ta' karozza bomba. Imbiċċra mill-isplussiv mietet mara, omm u persuna li kienet tniġġeż, iddejjaq, tikxef u li ħafna drabi kienet tniggeż u toffendi daqs kemm kienet titniggeż hi u jkollha baraxx offiżi lejha. 

Imma xejn ma pprepara lil pajjiżna u x-xenarju politiku lokali għal dak li ġara nhar is-16 ta' Ottubru 2017. F'dawn il-paġni se nagħtu ħarsa lejn l-effetti politiċi ta' dan l-assassinju, effetti li kienu kbar u serji ħafna iktar milli bosta jammettu. Effetti li kienu dannużi immens għal Malta, pero' li setgħu wkoll kienu ħafna aktar dannużi. 

Malta: Mhux gżira tax-xemx u l-baħar?

Ejja nibdew mill-ovvju. Malta huwa pajjiż ċkejken li miljuni u biljuni kbar madwar id-dinja lanqas qatt ma semgħu bih jew jafu eżatt fejn hu. F'daqqa waħda - dakinhar tal-assassinju - il-Bidnija spiċċat fuq kull stazzjon, jew kważi kull stazzjon, madwar id-dinja. Filli Malta kienet l-art tal-baħar u x-xemx fejn ma jiġri xejn, għal pajjiż fejn tinqatel ġurnalista li kienet l-akbar u l-eqqel xewka għall-Gvern u li kienet kixfet żewġ kumpaniji fil-Panama ta' tnejn mill-aktar nies li kienu b'saħħithon fil-Gvern filwaqt allegat li t-tielet kumpanija fil-Panama kienet ta' mart l-eks Prim Ministru Joseph Muscat. Kienet hi wkoll li bdiet tikxef x'kien qed jiġri fil-Bank Pilatus u anke l-blogg tagħha kien l-ewwel li kiteb il-kliem '17 Black.'

Ix-xena tal-assassinju ħames snin ilu
Ix-xena tal-assassinju ħames snin ilu

Dan apparti stejjer/blogs li maż-żmien ħarġet u li qanqlu kontroversja, fosthom dwar mard li kellu Keith Schembri, liema storja kienet attirat ħafna kritika (simili għal dik li kienet ippubblikat meta "żvelat" li Alfred Sant kellu Kanċer), iż-żjara tal-eks Ministru Chris Cardona f''burdell fil-Ġermanja (Acapulco) filwaqt li kien qed jattendi konferenza u anke l-akkużi fil-konfront ta' Rosianne Cutajar u l-ħajja sesswali tagħha.

Allura l-effett immedjat ta' dan l-assassinju kien illi miljuni kbar semgħu b'Malta għall-ewwel darba f'dawl xejn sabiħ. Mela inizzjalment f'dawk il-ġranet l-effett politiku fuq Malta kien diġà dannuż ħafna - hekk kif l-assassinju kien marbut mill-ewwel u b'mod awtomatiku mal-istejjer li Caruana Galizia kienet ippubblikat fil-ġimgħat , xhur u snin ta' qabel. 

Pater Caruana Galizia jasal il-Bidnija wara l-bomba | Ritratt James Bianchi
Pater Caruana Galizia jasal il-Bidnija wara l-bomba | Ritratt James Bianchi

Il-midja tal-punent titfa' ħarsitha fuq Malta... Jinħoloq id-Daphne Project

Fl-ewwel ġimgħat u xhur diversi ġurnali influwenti, fosthom Repubblika (L-Italja), BBC u The Guardian (Renju Unit) u anke s-CNN u n-New York Times (L-Istati Uniti) tefgħu ħarsithom fuq pajjiżna, fuq il-politiċi, l-iskandlu tal-Panama u aktar b'diversi intervisti - fosthom mal-familja Caruana Galizia, politiċi mill-Oppożizzjoni u mal-eks PM Joseph Muscat. L-intervista tal-ġurnalist tal-BBC James Sweeney tibqa' l-aktar waħda li baqgħet tissemma' hekk kif il-ġurnalist sejjaħ lil Muscat 'the artful-dodger of europe' (il-ħalliel tal-ewropa). 

Dan sakemm twaqqaf id-Daphne Project magħmul minn 45 ġurnalist, 18-il organizzazzjoni tal-aħbarijiet minn 15-il pajjiż, fosthom The Times, Reuters, Le Monde, Süddeutsche Zeitung, The Guardian u New York Times. Dawn investigaw elenku ta' stejjer li kienet diġà bdiet taħdem fuqhom Daphne, mhux l-inqas dik illi s-sid ta' 17 Black kien Yorgen Fenech u li din il-kumpanija fid-Dubaj kienet 'target-client' tal-kumpaniji fil-Panama ta' Keith Schembri u Konrad Mizzi.

Malta spiċċat diskussa għal darba, darbtejn fil-Parlament Ewropew u l-kritika fil-konfront ta' pajjiżna kienet kontinwa, inċiżiva, qawwija u xi kultant inġusta wkoll. Nhar is-27 ta' April il-Parlament għadda riżoluzzjoni b'maġġoranza qawwija ħafna illi permezz tagħha kkundanna "it-theddid serju u persistenti għas-saltna tad-dritt, demokrazija u d-drittijiet fundamentali f'Malta - inkluż l-indipendenza tal-pulizija, il-libertà tal-midja u l-indħil politiku fil-ġudikatura."

Fl-2019 kienet saret riżoluzzjoni "speċifikament" dwar Malta u l-Islovakkja u lura fl-2017 il-Parlament Ewropew għadda riżoluzzjoni li titlob ukoll għal investigazzjoni internazzjonali indipendenti fuq il-qtil ta' Caruana Galizia, filwaqt li appellat lill-Konferenza tal-Presidenti biex kull sena jibda jingħata premju ġurnalistiku li jkun dedikat f’isem il-ġurnalista Maltija. Il-Parlament bagħat ukoll delegazzjoni tiegħu Malta biex tinvestiga aktar is-sitwazzjoni tas-saltna tad-dritt f'pajjiżna. 

Jan Kuciak, inqatel ftit wara Daphne Caruana Galizia
Jan Kuciak, inqatel ftit wara Daphne Caruana Galizia

Fost l-aktar illi kienu voċiferi fil-konfront ta' Malta u l-assassinju ta' Caruana Galizia fil-Parlament Ewropew kien hemm Sven Giegold (Ħodor Ewropej), Sophie Int'Weld (Renew Europe) u Ana Gomes - mill-Partit tas-Soċjalisti u Demokratiċi u li kienet kritika ħarxa tal-Gvern ta' Muscat u anke tal-eks Kap tal-Oppożizzjoni Adrian Delia.

Naturalment dan kollu wassal biex għajnejn istituzzjonijiet diversi intefgħu fuq pajjiżna u nuqqasijiet fis-sistemi u fl-istituzzjonijiet lokali li kienu ilhom hemm imma li qatt ma kienu daqstant taħt il-lenti ewropea u internazzjonali. 

Din l-attenzjoni waslet għal bidliet u passi pożittivi bħar-riforma fil-ħatra tal-Ġufikatura, il-mod kif jinħatru diversi persuni f'entitajiet kruċjali bħall-Korp tal-Pulizija, l-Awditur Ġenerali u aktar, saret riforma - għal darba, darbtejn fil-Liġi tal-Whistleblower u inbidel anke l-mod ta' kif jinħatar il-President tar-Repubblika. Riċentement il-Gvern ħa l-ewwel passi għal ħolqien ta' abbozz għall-protezzjoni tal-midja u l-libertà tal-kelma, anke jekk din intlaqgħet bi kritika minħabba nuqqas ta' konsultazzjoni. Il-Gvern kien ukoll wettaq ħafna minn dak propost mill-Kummissjoni Venezja. 

Iżda dan kollu kellu prezz u l-prezz kien il-Lista l-Griża tal-FATF, hekk kif Malta spiċċat l-unika pajjiż fl-Unjoni Ewropea li kien fuq din il-lista.

Dan naturalment tefa' ħafna pressjoni fuq il-pajjiż u fuq in-negozji u anke kompla jweġġa' r-reputazzjoni ta' pajjiżna bħala ġurisdizzjoni finanzjarja serja, anke jekk eventwalment il-Gvern xammar il-kmiem u wettaq il-proposti kollha li kellu jwettaq biex Malta titneħħa minn din il-lista.

Artiklu fuq il-La Repubblica
Artiklu fuq il-La Repubblica

Il-Gvern ta' Muscat, spiċċa taħt dell li ma setax ineħħi jew jinjora!

Il-Gvern Laburista mmexxi minn Joseph Muscat kien elett fl-2013 b'qawwa liema bħalha wara li fil-fatt kien diġà (il-PL) rebaħ l-elezzjoni tal-Parlament Ewropew b'marġini akbar minn 33,000 vot fl-2009. L-ewwel xhur tal-Gvern kienu juru affarijiet sbieħ hekk kif riformi mwegħda bdew jitwettqu, fosthom dawk li jitrattaw drittijiet ċivili. 

Ħadd ma seta' jobsor li sentejn wara biss dan l-istess Gvern kellu jsib ma' wiċċu theżżiża politika li imbagħad twassal għal ħafna theżżiżiet ikbar. Le, mhux qed nirreferu għall-assassinju, imma għall-istejjer li permezz tagħhom Caruana Galizia kienet kixfet il-fatt li l-eks Ministru Konrad Mizzi kien fetaħ kumpanija fil-Panama - ġurisdizzjoni b'ħafna segretezza u maħmuġa  - u  li ma kienx niżżilha fid-Dikjarazzjoni Parlamentari tal-Assi. Ftit jiem wara sirna nafu li anke l-eks Chief of Staff f'Kastilja Keith Schembri kien fetaħ kumpanija fil-Panama - permezz ta' Nexia BT, ftit xhur wara l-elezzjoni tal-2013. 

Il-Panama Papers
Il-Panama Papers

Iżda kellu jkun wara l-assassinju li nsiru nafu illi dawn il-kumpaniji kienu klijenti ta' 17 Black - ta' Yorgen Fenech - u li fihom kellhom jidħlu $2 miljuni fis-sena minn negozju differenti fl-Indja, il-Bangladesh u l-Afrika ta' Isfel - fost oħrajn. Keith Schembri kien ammetta li 17 Black kienet parti mill-business plan tiegħu iżda Mizzi dejjem ċaħad għarfien jew rabta ma' din il-kumpanija. 

Il-kwistjoni tal-Panama tefgħet lill-Oppożizzjoni, immexxija minn Simon Busuttil, fuq attakk frontali kontra l-Gvern bi protesti "kontra l-korruzzjoni" u dimostrazzjonijiet. Sakemm faqqgħet dik li wieħed jista' jiddeskrivi bħala "bomba atomika politika" meta Caruana Galizia allegat li Egrant Inc. kienet kumpanija fil-Panama ta' Michelle Muscat, li allegatament irċeviet ftit iktar minn $1 miljun f'kont fil-Bank Pilatus mingħand it-tifla tad-Dittatur tal-Ażerbajġan Ilham Aliyev. 

Dan l-iżvilupp qajjem kjass politiku, bi protesti mill-Oppożizzjoni u appelli minn Busuttil li kienu kważi sejħa għal kolp ta' stat. It-tempertura politika splodiet, Muscat deher irrabjat ħafna dwar din l-allegazzjoni - u eventwalment ma instabu ebda provi li jsostnuha minn Inkjesta Maġisterjali - u f'għajnejn ħafna mill-eħrex simpatizzanti ta' Muscat u l-Partit Laburista, Caruana Galizia issa kienet saret Għadu Numru Wieħed! 

Saret l-elezzjoni xahar wara u Muscat u l-Partit Laburista reġa' rebaħ u bil-kbir, l-aktar fuq is-saħħa tal-konvinzjoni tiegħu, fuq ekonomija b'saħħitha ħafna u negozju li kien sejjer tajjeb.

Iżda l-inkwiet kien għadu se jibda. 

Assassinju li għamel ħsara rreperabbli lill-Gvern ta' Muscat u l-legat tiegħu

Wiċċ Muscat fl-ewwel konferenza wara li Malta "xegħlet" u fl-istess ħin waqfet tiddiskuti u tara x-xeni tal-isplużjoni fil-Bidnija, kienet waħda li kienet tgħid ħafna - anke jekk espressament u fil-kliem ma ntqal xejn. Muscat kien jaf - għaliex għandu l-intelliġenza politika u għarfien tajjeb ta' strateġija - illi bl-assassinju l-legat politiku tiegħu kien intefa' taħt dell li se jkun kważi impossibbli li jitlaq minn taħtu. U fil-fatt hekk ġara. 

Sentejn wara u ftit xhur wara rebħa oħra kbira fl-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew fl-2019, il-Gvern ta' Muscat kien beda jiffaċċja pressjoni qawwija ħafna bi protesti kważi kuljum - uħud żgħar imma oħrajn li għalihom kienu qed jattendu eluf ta' nies irrabjati ferm għall-Gvern. Dan wara li kien arrestat Yorgen Fenech, ħarġu l-istejjer dwar 17 Black u Fenech akkuża lil Keith Schembri illi kien hu l-moħħ wara l-assassinju, li kien qed jagħtih l-ordnijiet għal dan il-qtil u li kien saħansitra għadda karti - li bqajna qatt ma sirna nafu x'kien hemm fihom -  lil Fenech permezz tat-tabib tagħhom Dr. Adria Vella (Fenech u Schembri kellhom l-istess tabib). Keith Schembri kien mgħajjat mill-pulizija u l-istess Konrad Mizzi u l-eks Ministru Chris Cardona.

Dan wassal għall-avvenimenti tas-26 ta' Novembru 2019 - ġurnata illi fiha ssejħu għand il-pulizija u rreżenjaw Keith Schembri u Konrad Mizzi filwaqt li Cardona ssospenda lilu nnifsu. Schembri kien inżamm taħt arrest - interrogat dwar l-assassinju - għal jumejn.
Filgħaxija eluf ta' nies niżlu quddiem il-Parlament f'waħda mill-aktar protesti jaħarqu li saru fl-aħħar snin, b'folla li f'dagħdiha daret għall-karozza tal-Ministru Owen Bonnici li ma tħallietx issuq, filwaqt li d-Deputati ma tħallewx joħorġu mill-Parlament u meta eventwalment ħarġu kienu milqugħin minn tgħajjir ta' "korrotti" u "Shame on you!".

Billboard li tella' l-PN
Billboard li tella' l-PN
Protesta minn bosta li organizza l-PN
Protesta minn bosta li organizza l-PN
Uħud minn dawk preżenti għall-protesta, inkluż id-Deputat Karol Aquilina
Uħud minn dawk preżenti għall-protesta, inkluż id-Deputat Karol Aquilina

Fost l-għajjat, l-istorbju, tfigħ ta' bajd u rabja kien ċar li s-sitwazzjoni politika tal-pajjiż kienet ser taqbad triq perikoluża u li l-pożizzjoni politika tal-Gvern - minkejja maġġoranza qawwija - kienet qed tiddgħajjef u ssir instabbli. 

Il-protesti komplew kuljum, sakemm eluf ta' Laburisti ugwalment irrabjati ħafna ddeċidew - minkejja appelli l-kontra - li jmorru quddiem iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fejn infexxew f'għajjat ta' appoġġ kontinwu għal Muscat u f'punt minnhom ibbuwjar u offiżi lejn il-ġurnalisti preżenti.

It-tmiem ta' Muscat fil-kariga bdiet ftit wara li Fenech kien akkużat quddiem il-Qorti u wkoll wara li kien allega illi Keith Schembri kien fil-fatt il-moħħ wara l-assassinju. Ftit ġranet qabel il-Kabinett li kien sema' dwar ittra anonima li tefgħet il-ħtija tal-assassinju fuq l-eks Ministru Chris Cardona, ittra li ġiet diskussa matul il-famuża laqgħa tal-Kabinett li damet għaddejja sas-sigħat bikrin ta' filgħodu. Bosta kienu qed iwaħħlu f'Keith Schembri għal din l-ittra, tant li għamlu konnessjoni mal-ittra li kien bagħat mat-Tabib Vella lil Yorgen Fenech, iżda huwa ċaħad. Rapporti diversi - inkluż fuq l-illum.com.mt -  ippruvaw iwasslu ftit informazzjoni dwar dak li kien qed jiġri wara l-bibien ta' Kastilja, fosthom kif diversi membri tal-Kabinett kienu qed juru għadab kbir għal Muscat u anke għas-sitwazzjoni li fiha kien jinsab il-Gvern. 

Jidher li bosta bdew iwaħħlu f'Keith Schembri - ħabib kbir tal-eks Prim Ministru Laburista u issa jirriżulta li kien ukoll kruċjali għall-eżistenza tal-istess Muscat fil-poter. Għaliex eżatt, għadna ma nafux, imma Muscat baqa' u għadu jiddefendi lil Schembri sal-lum! 

Mill-Girgenti għal fuq it-TV...

Intant kien nhar l-1 ta' Diċembru 2019, permezz ta' laqgħa tal-Kabinett fil-Girgenti, li bdiet tikteb l-aħħar kapitlu ta' Joseph Muscat bħala Prim Ministru. 

Wara l-laqgħa, Muscat f'indirizz televiżiv ħabbar ir-riżenja tiegħu minn Prim Ministru u tiġrija għal Mexxej Laburista ġdid f'Jannar tas-sena ta' wara. 

Għall-Partit Laburista u għal ħafna uffiċjali fi ħdanu dan kien mument iebes ħafna, uħud jgħidu li fil-fatt kien wieħed mill-agħar mumenti tal-PL fl-eżistenza tiegħu hekk kif l-aktar Mexxej li kiseb l-akbar suċċessi elettorali u li għamel bidliet daqstant kbar lil-Labour kellu jċedi l-armi ħafna qabel id-data ta' skadenza politika tiegħu u taħt tant dubji, mistoqsijiet u implikazzjonijiet koroh. 

Muscat u s-suċċessur tiegħu Robert Abela
Muscat u s-suċċessur tiegħu Robert Abela

Adrian Delia mkeċċi, il-PN fi gwerra u Chris Cardona jegħreq

Pero' l-effetti tal-qtil ta' Caruana Galizia - għalkemm kienu aktar qed itaqqlu lill-Partit Laburista - għax dan kien fil-Gvern, il-Partit Nazzjonalists ma ħelishiex ħafif hekk kif meta inqatlet il-ġurnalista l-PN kien qed jitmexxa minn Adrian Delia, b'Caruana Galizia tiftaħ gwerra kontrih b'sensiela ta' stejjer, artikli kontrih u kontra n-nies ta' madwaru u b'opinjonijiet ili fihom weriet nuqqas ta' fiduċja fil-PN immexxi minnu. Delia wieġeb bl-aħrax u f'diskors pjuttost isteriku kien qal li Caruana Galizia mhix il-PN u indirizzaha bħala "biċċa blogger."

Kollox beda meta Delia wera' l-interess li jkun hu l-Kap ġdid tal-PN wara r-riżenja ta' Simon Busuttil fl-2017. Daphne Caruana Galizia kienet żvelat kont li kellu Delia f'Jersey u allegat rabta bejn dan il-kont u flus deħlin mill-prostituzzjoni f'Soho, Londra. Hija kienet ukoll kitbet u allegat illi Delia kien mimli djun u allura ma setax imexxi lill-partit, filwaqt li attakkat lil ċerti persuni li kienu jkunu madwaru - fosthom Ċensu l-Iswed. 

Il-fatt li Delia kien tant ikkritikat minn Caruana Galizia, mhux biss aljena sezzjoni mdaqqsa u kruċjali tal-votanti nazzjonalisti imma żvantaġġja bil-kbir lill-PN fil-ġlieda kontra l-korruzzjoni u favur ġustizzja għal Daphne Caruana Galizia. Dan għaliex ħafna votanti nazzjonalisti u persuni rrabjati għall-Gvern ma kinux iħossu li Delia għandu l-leġittimità meħtieġa biex jiġġieled din il-ġlieda. 

Chats ma' Yorgen u akkużi ta' flus jitfgħu lil Delia l-baħar u lill-PN fi gwerra!

L-affarijiet ggravaw sew għal Delia u għall-Partit Nazzjonalista meta The Sunday Times kienet ippubblikat storja li turi illi kien hemm kuntatt bejn Delia u Fenech, b'Fenech saħansitra jistieden lill-eks Kap tal-PN għal ikla - wara li kien diġà rriżulta li 17 Black kienet tiegħu. L-akkużi jkomplu illi saħansitra kien sar kuntatt bejn Delia u Fenech meta kien għaddej id-dibattitu dwar 17 Black fil-Parlament. 

Fil-Qorti - meta kien qed jixhed - Keith Schembri saħansitra qal illi Pierre Portelli, li kien wieħed mill-aktar persuni qrib Delia, kien jiltaqa' ma' Fenech il-Portomaso u jieħu madwar €20,000 fix-xahar filwaqt li kienet saret allegazzjoni serja wkoll li Delia kien irċieva ħlas ta' madwar €50,000 mingħand Yorgen Fenech biex jaħdem ħalli ma jerġax ikun elett David Casa, fl-elezzjoni tal-2019. 

Kemm Portelli u anke Delia jiċħdu dawn l-akkużi bil-qawwi. 

Minkejja dan, iċ-chats bejn Delia u Yorgen Fenech kienu ċ-ċirasa fuq il-kejk li wasslet biex il-gwerra fil-PN tmur kompletament fil-beraħ, bil-Grupp Parlamentari jmur għand il-President u jesprimi sfiduċja f'Delia u l-organi tal-PN jieħdu voti biex Delia jitlaq mit-tmexxija tal-partit.

Anke l-Eżekuttiv ħadha kontra Delia u talab li ssir elezzjoni għal Kap ġdid, minflok Kunsill Ġeneral. 

Kienu mumenti koroh ħafna għall-PN bi ġlied, għajjat u tgħajjir ta' "tradituri" minn diversi attivisti nazzjonalisti kontra diversi deputati tal-partit stess. Mumenti li wasslu għal Kunsill Ġenerali li b'56% ivvota biex il-partit imur għal elezzjoni minflok għal vot ta' fiduċja f'Adrian Delia, kif wara kollox xtaq l-eks Kap. 

Minn hemm 'il quddiem - minkejja li l-PN kien bidel Kap għat-tielet darba - is-sitwazzjoni politika tal-partit baqgħet tiggrava bil-PN jitlef l-elezzjoni tal-2022 b'39,500 vot - distakk rekord assolut kemm ilhom isiru elezzjonijiet f'pajjiżna - minn wara l-gwerra. 

Hija ironika ħafna, illi minkejja li l-assassinju ta' Daphne Caruana Galizia kellu jkun l-għajta li tgħaqqad u ssaħħaħ lill-PN u tpoġġieh f'qagħda li jkun jista' jerġa' jirbaħ, spiċċa kellu l-effett kuntrarju - direttament u indirettament. 

Adrian Delia kien taħt pressjoni ma' taqta' xejn biex iwarrab
Adrian Delia kien taħt pressjoni ma' taqta' xejn biex iwarrab

L-eks Ministru Cardona implikat direttament fl-assassinju ta' Daphne

U finalment kien hemm ukoll Chris Cardona li spiċċa "għereq" politikament hekk kif tneħħa minn Ministru u eventwalment minn Deputat Mexxej Laburista wara li ntalab jagħmel dan mill-PM Abela. 

Cardona kien ilu f'konfront dirett ma' Caruana Galizia, l-aktar wara l-istorja dwar allegat avventuri sesswali f'burdell fil-Ġermanja li waqqgħu lill-eks Ministru u nies li kienu miegħu għal ċerta redikolu u kritika. Cardona mhux biss ċaħad l-akkużi ta' Caruana Galizia imma kien wieġeb lura b'mandat ta' sekwestru ta' €46,000 - mandat li kien meqjus raġunat minn ħafna Laburisti għax dawk ta' Caruana Galizia qisuhom "gideb u malafama" filwaqt li kien mequs kundannabbli minn ħafna nazzjonalisti li ħassew illi dan kien theddid finanzjarju kontra ġurnalista biex jgħalqilha ħalqha. 

Chris Cardona jiċċelebra fl-2017
Chris Cardona jiċċelebra fl-2017

Iżda l-inkwiet għal Cardona kien għadu se jibda

Fl-aħħar ħames snin huwa kien implikat diversi drabi fl-assassinju, fosthom f'ittra anonima li ġiet diskussa fil-Kabinett - hekk kif imsemmi diġà. L-Ittra b'kitba pjuttost imħażża kienet tallega li Cardona għamel pressjoni fuq Alfred Degiorgio (il-Fulu) biex jeħles minn Caruana Galizia minħabba l-każ tal-libell li hu kellu kontriha dwar l-Acapulco u l-Avukat David Gatt (eks Pulizija) kellu jikkordina kollox. Tgħid ukoll li

Cardona kien lest iħallas €300,000 lil Alfred Degiorgio, iżda dan imbagħad ried li jkollu liċenzja wkoll biex jopera mill-Port Ħieles, biex idaħħal sigaretti u xorb bil-kuntrabandu. 

Cardona kien ċaħad u qal illi dik l-ittra probabbilment intbagħtet mill-persuna jew persuni li fil-fatt kienu l-moħħ wara r-reat u li qed jipprovaw jinħbew. 

Iżda l-aktar allegazzjoni serja saret mis-sensar fil-qtil - Melvin Theuma - meta dan kien qal fil-Qorti illi l-irġiel akkużati bil-qtil ta’ Caruana Galizia ħadu “350”, permezz ta' canvasser ta' Chris Cardona (Il-Biglee) biex wettqu l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia, informazzjoni li skontu, waslet għandu mingħand Johann Cremona, sieħeb fin-negozju ma’ Yorgen Fenech.
Dawn it-“350” waslu mingħand Chris Cardona.

Cardona jerġa’ jiċħad ukoll dawn l-allegazzjonijiet. Jiddeskrivihom bħala “bla sens u bbażati fuq il-gideb.”

Melvin Theuma xehed ukoll kif darba, Mario Degiorgio (ħu Alfred u George Degiorgio) kien spjegalu kif David Gatt kien qallu li qabel jibda l-ġuri jrid iħejji €400,000.

L-istess avukat Gatt, dejjem skont ix-xhieda ta’ Melvin Theuma, kien bagħat messaġġ ma’ xi ħadd jisħaq li jekk l-aħwa Degiorgio kienu se jitfgħu l-ħtija fuq Cardona kien joqtolhom.

Gatt kien bagħat dan il-messaġġ għax darba, wara l-Qorti, waqt li kienu fil-vann tal-ħabs, l-aħwa Degiorgio allegatament bdew jifthemu biex iweħħlu f’Cardona. Skont Theuma, semagħhom uffiċjal tal-ħabs, irrekordjahom u informa lil Gatt.

More in Politika