'Wasal iż-żmien li Robert Abela jinħatar imperatur u jagħżel il-Parlament hu?' - Repubblika

Repubblika tfakkar lill-Prim Ministru li  l-Parlament u demokrazija mhumiex 'propjetà privata tiegħu'

L-Organizzazzjoni Repubblika kkundannat dik li se sejħet bħala manuvra arroganti mill-Prim Ministru Robert Abela biex idaħħal fil-Parlament lil min irid hu.

"F’sena waħda huwa se jkun irnexxielu jdaħħal tliet persuni li għażel hu fil-Parlament mingħajr ma dawn lanqas ġabu vot wieħed fl-aħħar elezzjoni ġenerali," saħqet Repubblika fi stqarrija wara li lbieraħ Gavin Gulia rriżenja immedjatament malli ħa l-ġurament bħala Deputat Parlamentari.

Dan fetaħ bieb għall-Partit Laburista biex itella' fil-Parlament lil min irid permezz ta' co-option.  

"Ninnutaw li l-elezzjoni u r-riżenja wara ftit sigħat ta’ Gavin Gulia, orkestrata minn Robert Abela biex idaħħal fil-Parlament lil min irid hu, seħħet jumejn wara li Dr Kenneth Grech tneħħa minn fuq il-COVID-19 Response Team. Robert Abela jrid biss lil min jilgħaqu. Ma jridx jisma’ fehmiet differenti minn tiegħu. Din l-attitudni hi riflessa wkoll fl-isforz li għamel biex jagħlaq qabel żmienha l-inkjesta dwar l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia," saħqet l-istqarrija.

Appella lill-Prim Ministru biex jieqaf jilgħab bid-demokrazija u fakkruh li l-Parlament u demokrazija mhumiex propjetà privata tiegħu.

"Dan l-episodju hu argument ieħor favur il-bżonn ta’ riforma fil-Parlament biex jieqaf ikun tapit taħt saqajn il-gvern u minflok isir għassies fuq daru," saħqet l-istqarrija.

Aqra wkoll:

'Gavin Galea ma għandux ikun maħtur chairperson tal-MTA minn wara dahar il-Parlament' - PN

Oliver Scicluna mill-KNPD mistenni jinħatar Deputat Laburista ġdid flok Gavin Gulia

More in Politika