'Gavin Gulia ma għandux ikun maħtur chairperson tal-MTA minn wara dahar il-Parlament' - PN

L-Oppożizzjoni qed tisħaq li l-ħatra mill-ġdid ta' Gulia għandha tgħaddi l-ewwel għall-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi

Gavin Gulia ftit qabel ġie elett fl-elezzjoni każwali
Gavin Gulia ftit qabel ġie elett fl-elezzjoni każwali

Il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Ministru għat-Turiżmu ma għandux jaħtar mill-ġdid lil Gavin Gulia bħala chairperson tal-Awtorita Maltija għat-Turiżmu minn wara dahar il-Parlament u bi ksur tal-liġi.

L-Oppożizzjoni qalet dan hekk kif ilbieraħ, Gulia li ġie elett b'elezzjoni każwali, irriżenja immedjatament wara li ħa l-ġurament bħal Deputat Parlamentari.

Il-Kelliema tal-Oppożizzjoni, Karol Aquilina, Carmelo Mifsud Bonnici u Clyde Pulì kkwotaw l-artikolu 3 (4) tal-Att dwar Servizzi tal-Ivvjaġġar u tat-Turiżmu għal Malta (Kap. 409 tal-Liġijiet ta' Malta) li jispjejga kif ebda persuna ma tikkwalifika biex tiġi nominata, jew biex tibqa’, membru tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta, inkluż chairperson, jekk hija tkun membru tal-Kamra tad-Deputati.

"Għalhekk mal-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari, Dr Gavin Gulia temm definittivament milli jservi bħala Chairperson tal-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta. Dan jgħodd aktar u aktar ġaladarba Gavin Gulia kien irriżenja minn chairperson tal-MTA qabel ma ħa l-ġurament tal-ħatra bħala Membru Parlamentari kif imħabbar permezz ta' stqarrija ppubblikata mill-Ministeru għat-Turiżmu lbieraħ l-Erbgħa 13 ta' Jannar 2021," kompliet l-istqarrija.

Għalhekk, il-Kelliema tal-Oppożizzjoni, li huma Membri tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi fakkru lill-Ministru għat-Turiżmu li jekk beħsiebu jerġa' jinnomina lil Gavin Gulia bħala chairperson tal-Awtoritá tat-Turiżmu ta' Malta, huwa obbligat bil-liġi li jissottometti n-nomina tiegħu għall-iskrutinju tal-Kumitat Permanenti dwar il-Ħatriet Pubbliċi.

More in Politika