Repubblika tipproponi li ma jibqax ikun il-Prim Ministru li jiddeċiedi meta tissejjaħ elezzjoni

Repubblika qed tipproponi wkoll kwota minima nazzjonali għall-partiti politiċi li tiggarantixxi illi kull partiti ikollu siġġijiet parlamentari

L-għaqda Repubblika qed tipproponi, fost diversi proposti ta' riforma Parlamentari li ressqet illum, li titneħħa minn idejn il-Prim Ministru d-diskrezzjoni li jsejjaħ elezzjoni ġenerali.  Dan apparti li l-istess għaqda qed tipproponi wkoll kwota minima nazzjonali għall-partiti politiċi fil-Parlament li meta tintlaħaq fuq bażi nazzjonali tiggarantixxi lil kull partit, siġġijiet Parlamentari.

Il-President ta’ Repubblika Robert Aquilina dalgħodu fakkar kif din is-sena l-Parlament Malti jagħlaq 100 sena.  "Minkejja li l-Parlament jaħdem f’bini ġdid għadu mgħobbi bi prattiċi antikwati u li ma jgħoddux għad-demokrazija tal-lum.  Dawn id-difetti qed jiġu sfruttati mill-Gvern biex il-Parlament ma jkunx jista’ jservi l-missjoni tiegħu li jissorvelja u jservi ta’ kontro-bilanċ għall-poter tal-gvern. F’dawn l-aħħar snin rajna l-istituzzjoni Parlamentari maħtufa mill-gvern li llum saħansitra jimpjega aktar minn nofsu," qal Aquilina. 

Intant Repubblika qed tipproponi wkoll li jkunu separati l-irwoli tal-President u l-Parlament u jiżdied il-poter tal-President fis-sens li jkollu d-dritt jerġa’ jitlob lill-Parlament jikkunsidra mill-ġdid liġijiet ġodda li ma jaqbilx magħhom jew li jirreferi lill-Qorti Kostituzzjonali liġijiet li jaħseb li huma illegali. 

Qed tipproponi wkoll li r-rwoli ta’ Deputat Parlamentari u ta’ Ministru tal-Gvern jinfirdu u li l-Ministri jmorru fil-Parlament biex iwieġbu għall-iskrutinju tal-Parlament, mhux biex jiddeċiedu l-aġenda tiegħu "u jaħkmu fuqu," qalet l-għaqda. 

Finalment Repubblika qed tipproponi li d-deputati jkunu full time u "jitħallsu paga diċenti li tiġġustifika l-impenn u d-dedikazzjoni tagħhom għal dan il-mistier."

More in Politika