Roderick Cassar ċempel lil missier Bernice u qallu li kien qatilha
Xhieda rat lil Cilia tinqatel quddiem għajnejha b'żewġ tiri: waħda f'sidirha u oħra qrib rasha
minn Anthea Cachia
L-allegat qattiel ta' Bernice Cilia (kunjomha xebba) Roderick Cassar, ftit wara l-qtil ta' martu għamel telefonata lil missier il-vittma li fiha għamel referenza għall-istitut tat-tfal u li kien qatillu lil bintu. Dan ħareġ illum, mix-xhieda tal-Ispettur Pawney, hekk kif kompla jinstema' l-każ quddiem il-Maġistrat Joe Mifsud. Preżenti fl-awla kien hemm membri tal-familja ta' Cilia kif ukoll ħu l-akkużat.
Fix-xhieda tiegħu missier Cilia qal li rċieva telefonata fit-8:04a.m. mingħand Cassar li kien talbu li jsib istitut għal uliedu. Kien hemm li l-missier reġa' ċempillu u Cassar qallu li qatel lil Bernice.
Infakkru li Bernice inqatlet nhar it-Tlieta 22 ta' Novembru b'tiri ta' pistola, illum ikkonfermata li ma kinitx reġistrata fuq isem l-akkużat. Cilia kellha żewġ feriti: Waħda f'sidirha u oħra, li kienet fatali, f'wiċċha.
Pawney qal li huma identifikaw lil Cassar bħala s-suspettat f'dan il-qtil minħabba t-telefonata li kellu ma' missier il-vittma kif ukoll minn dak li kien kiteb fuq il-profil tiegħu ta' Facebook.
Fix-xhieda tiegħu l-Ispettur żied jgħid li meta mar fuq il-post huwa kien ra madwar ħames skrataċ b'uħud minnhom li kienu wżati.
Cassar kien saħansitra ta daqqiet ta' ponn lil vettura tal-vittma, fil-fatt kellu kellu jinfaxxa jdejh.
Bosta persuni raw lil Bernice mal-art
Intant żewġ ħaddiema fil-kumpanija Merit, fejn kienet taħdem il-vittma, saħqu li kienu semgħu xi għajjat mit-triq u fil-fatt wieħed mill-ħaddiema beda jieħu filmat tal-inċident. Fuq dan il-filmat l-avukat ta' Cassar, Franco Debono, irrimarka li l-filmat ma jkoprix il-mument li ġew sparati t-tiri iżda biss l-argument ta' bejniethom.
F'dan il-filmat, Bernice tinstema tgħajjat għall-għajnuna filwaqt li l-akkużat beda jiddevja lil karozzi li kienu fl-akkwati. Apparti minn hekk Cassar ipparkja l-karozza tiegħu bit-tali mod li jiblokka t-triq. Xhieda ieħor ipprova jagħti l-għajnuna u meta kien ra lil Bernice mal-art ħaseb li kienet weġġgħet fl-inċident.
Minkejja dan Cassar għeddu li jisparalu jekk ma jitlaqx minn fuq l-post, tant hu hekk li sema' lil Cassar jikkarga s-senter u sema xi tiri. Ix-xhud stqarr li kien bezgħan.
Intant kien hemm koppja oħra li kienet rat lil vittma mal-art, bħax-xhud l-ieħor. Meta resqet aktar qrib lejha hija rat lill-akkużat jimmira żewġ tiri lejn il-vittma. Meta raw dan, wieħed mix-xhieda ried isuq lejn l-akkużat iżda x-xhud l-ieħor beda jibża'.
Intant il-ħames xhud kienet fiż-żona u rat iż-żewġ vetturi tal-akkużat u l-vittma u ċemplet minnufih in-numru 112 għall-assistenza. Hija qalet li rat l-akkużat jispara numru ta' tiri lejn il-vittma, wieħed f'sidirha u l-ieħor lejn ir-ras. Hija wkoll ikkunsidrat li ssuq lejn l-akkużat iżda beżgħet għal ħajjitha.
Apparti minn hekk xhieda oħra li rat il-karozza tal-vittma fuq il-midja soċjali, meta ċemplet lil Bernice, weġibha Cassar u qalilha li kien qatel lil Bernice.
Intant l-Ispettur żied jgħid li Cassar ġie ezaminat psikoloġikament u nstab li kien qiegħed f'qagħda stabbli biex jitressaq il-Qorti. Infakkru li waqt l-interrogazzjoni, meta l-uffiċjali wrew lil Cassar il-filmat ma wera l-ebda emozzjoni u qal li jiddispjaċih għal dak li wralha. Min-naħa l-oħra beda jibki meta ssemmew uliedu.
Ir-relazzjoni bejn Bernice u Roderick
Pawney spjega wkoll li l-familja tal-vittma qalet li ma kienux jafu bil-problemi li kellhom il-koppja qabel Jannar li għadda. Maż-żmien saru jafu bl-argumenti u l-vittma kienet marret tgħix għal rasha meta Cassar heddidha. Sa sigħat qabel il-qtil, Cassar ipprova jċempel lill-vittma diversi drabi.
L-ispettur kompla jgħid li dakinhar tal-qtil, għadu mhux magħruf kif il-vittma spiċċat mal-art u li ma jidhirx li kien hemm swat fuq il-vittma, mill-akkużat.
Intant, rappreżentant tal-familja tal-akkużat ingħatat aċċess għar-residenza fi Triq il-Kartaġiniżi fil-Qendi biex titbattal.
Il-każ se jkompli jinstema nhar it-Tnejn 19 ta' Diċembru.
Aqra aktar fuq il-każ: