Roderick Cassar wieġeb mhux ħati hekk kif tressaq il-Qorti akkużat bl-omiċidju ta' martu Bernice Cassar. Huwa kien l-ewwel persuna li tressqet il-Qorti akkużata b'femiċidju.
Minkejja li wieġeb mhux ħati, id-Difiża mmexxija mill-Avukati Franco Debono u Marion Camilleri, talbu li l-akkużat jinżamm fit-Taqsima Forensika tal-ħabs, li tinsab fl-Isptar Monte Karmeli.
Il-Prosekuzzjoni ma oġġezzjonatx għal din it-talba iżda l-Qorti qalet li f'dan l-istadju se tħalli f'idejn il-Faċilità Korrettiva biex tiddeċiedi fejn l-aħjar jinżamm l-akkużat f'dan l-istadju.
L-awla, għas-seduta pjuttost qasira, kienet ippakkjata bin-nies inkluż bil-qraba kemm tal-akkużat u anke tal-vittma stess.
Cassar inqatlet nhar it-Tlieta b'tiri ta' arma tan-nar f'wiċċha u f'sidirha. Hija kienet iċċertifikata mejta fuq il-post tad-delitt, biswit il-vettura tagħha fiż-żona industrijali ta' Kordin.
Żewġha kien arrestrat xejn inqas minn 17-il siegħa wara anke jekk instab minnufih wara li seħħ id-delitt. Madanakollu l-arrest tiegħu ma kienx wieħed faċli, b'negozjaturi jitkellmu miegħu biex jagħti lilu nnifsu lill-Pulizija mingħajr ma jweġġa' ħadd. Fid-dar instabet l-arma li x'aktarx intużaw fid-delitt.
Il-Ministru għall-Intern u s-Sigurtà Nazzjonali Byron Camilleri ikkonferma li f'Awwissu li għadda, Bernice Cassar għamlet rikors quddiem il-Qorti li ħarġet ordni ta' protezzjoni fil-konfront tagħha. Dan wara diversi rapporti li hija għamlet inkluż sa ftit qabel seħħ l-omiċidju.
Il-Ministru Camilleri spjega ukoll kif f'Mejju li għadda, kien sar rapport mill-vittma u l-Pulizija ħarġet l-akkużi fil-konfront tal-persuna li hija suspettata llum li wettqet id-delitt. Madanakollu, dawn l-akkużi ma kellhomx jibdew qabel Novembru tas-sena d-dieħla.
Il-Malta Women's Lobby esprima dieqa u rabja għall-qtil ta' mara oħra- vittma ta' vjolenza domestika u qal illi l-awtoritajiet għandhom jieħdu azzjoni immedjata u effettiva sabiex "jipprevjenu, jipproteġu u jieħdu azzjoni kontra każi ta' vjolenza kontra n-nisa u l-vjolenza domestika."
Huma qalu li huwa inaċettabbli li hemm Maġistrat wieħed biss li taħdem fuq każi ta' vjolenza domestika.