Żewġ irġiel, wieħed bla dar u ieħor ħaddiem Libjan li joqgħod f'Tas-Sliema, tressqu l-Qorti b’rabta ma’ serq armati li seħħew f’temp ta’ ftit sigħat. It-tnejn jinsabu miżmuma taħt arrest wara li l-Qorti ddeċidiet li jinżammu taħt arrest preventiv.
Il-każ jidher li beda fil-lejl tat-2 ta’ Lulju meta l-Pulizija rċevew rapport ta’ serqa f’estabbiliment f’Sliema. Skont ir-rapport, żewġ irġiel, mingħajr flokk u bil-wiċċ mgħotti, daħlu fl-istabbiliment u serqu flus kontanti u sigaretti taħt theddid tal-armi.
Ftit sigħat wara, kien hemm rapport ieħor mill- Imġarr fejn allegatament wieħed mill-akkużati poġġa arma mal-għonq ta’ sewwieq tat-Taxi u ħadlu borża li fiha kien hemm €500. It-tielet każ ġie rrappurtat minn spiżerija f’San Ġwann li fiha, skont il-pulizija, l-istess żewġ irġiel wettqu serqa aggravata bil-vjolenza.
Il-pulizija qalu li waqqfu vettura ħamra li ntużat f’dawn is-serqiet u fiha sabu lil Antoine Agius, ta’ 42 sena, li ma kellux indirizz fiss. Fost l-affarijiet fil-karozza kien hemm evidenza relatata mas-serq. Ftit wara ġie arrestat Ans Algheziwi, ħaddiem tal-kostruzzjoni Libjan ta’ 36 sena, mill-post fejn jgħix f'Tas-Sliema.
Il-Qorti semgħet kif Algheziwi kellu bżonn trattament mediku u qatta’ ġurnata l-isptar Mater Dei. Għalkemm l-arrest tagħhom ma ġiex ikkontestat, id-difiża talbet li ssir evalwazzjoni fuq il-kundizzjoni mentali ta’ Agius, hekk kif kien ilu ftit ġranet barra minn Mount Carmel. L-Ispettur Lydon Zammit qal li l-pulizija ma sabux bżonn jagħmlu dawn il-verifiki.
Agius qed jaffaċċja wkoll akkużi separati fosthom li rċieva oġġetti misruqa, li kiser kundizzjonijiet ta’ ħelsien mill-arrest u li hu reċediv. Algheziwi wkoll qed ikun akkużat bħala reċediv u b’serq ta’ vettura.
L-avukati tad-difiża Matthew Xuereb u Yanica Barbara Sant ma talbux għall-ħelsien mill-arrest iżda talbu li ssir rakkomandazzjoni biex l-akkużati jkunu evalwati b’mod xieraq, u li jekk hemm bżonn jiġu trasferiti għall-kura fit-taqsima tal- forensika.
Il-każ qed jinstema’ quddiem il-Maġistrat Monica Vella. Il-prosekuzzjoni qed titmexxa mill-Ispetturi Lydon Zammit, Keith Rizzo u Dylan Pace, b’assistenza mill-Avukata tal-Avukat Ġenerali, Martina Calleja.