Illum waranofsinhar, għall-ħabta tas-2:00 p.m., il-Pulizija kienet infurmata b’serqa armata li seħħet f’ħanut li jinsab fi Triq Santa Monika, Ħal Tarxien.
Minn informazzjoni uffiċjali li ħarġet mill-Pulizija, jidher li raġel daħal fil-ħanut b’oġġett li allegatament kien ħadida f’idu, u hedded lill-kaxxiera – tfajla ta’ 20 sena – biex tagħtih il-flus. Huwa irnexxielu jaħrab minn fuq il-post wara li seraq il-kexxun tal-flus li kien fih ammont mhux magħruf ta’ kontanti u oġġetti oħra.
Fortunatament, ħadd ma weġġa’.
Il-Pulizija marru immedjatament fuq il-post u bdew l-investigazzjonijiet tagħhom, inkluż tfittxija għar-raġel suspettat. L-awtoritajiet għadhom ma arrestaw lil ħadd f’rabta ma’ dan il-każ.
L-investigazzjonijiet għadhom għaddejjin.