Daren Debono t-Topo mistenni jixhed fil-Qorti dwar is-serqa tal-HSBC dan ix-xahar

Is-serqa ġiet imwaqqfa mill-uffiċjali tal-pulizija iżda l-ħallelin kienu rnexxielhom jaħarbu wara sparatura li fiha Debono u Muscat kienu midrubin it-tnejn

Daren Debono, li se jkun qed jiskonta għaxar snin u sitt xhur ħabs, mistenni jixhed dwar l-attentat ta’ serq, fl-2010, fil-kwartieri ġenerali tal-HSBC hekk kif aktar tard dan ix-xahar tkompli l-kumpilazzjoni ta’ provi kontra Vincent Muscat.

Is-serqa ġiet imwaqqfa mill-uffiċjali tal-pulizija iżda l-ħallelin kienu rnexxielhom jaħarbu wara sparatura li fiha Debono u Muscat kienu midrubin it-tnejn. Dakinhar madwar 65 tir ġew sparati lejn uffiċjali tal-pulizija.

Il-ġuri ta’ Muscat, magħruf bħala il-Kohhu, kellu jibda l-ġimgħa li għaddiet iżda ġie differit wara seduta urġenti li ssejħet l-Erbgħa filgħaxija. Debono, magħruf bħala “it-Topo,” kien wieġeb ħati. Bħala parti mill-patteġġjament li sar, twaqqgħet l-akkuża ta’ attentat ta’ umiċidju, hekk kif tul l-attentat ta’ serqa kienu ġew sparati wkoll xi tiri.

Il-Malta Police Union ikkritikat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li bħala parti minn patteġġjament qabel li titwaqqa' l-akkuża ta' attentat ta' umiċidju li Daren Debono, it-Topo, kien qed ikun akkużat biha.

Il-kumpilazzjoni tal-provi li nfetħet mill-ġdid issa għandha tibda fl-20 ta’ Jannar, quddiem il-maġistrat Monica Vella.

More in Qrati u Pulizija