Aġġornata | Għaxar snin ħabs għat-Topo wara l-involviment tiegħu fl-attentat ta' serqa tal-HSBC

Darren Debono, magħruf bħala t-Topo, wieġeb ħati lbieraħ bil-Qorti llum taqbel mal-patteġġjament li sar

Wieħed mill-irġiel akkużat li kien ħa sehem fl-attentat ta’ serqa mill-kwartieri tal-HSBC fl-2010, wieġeb ħati għall-akkużi miġjub kontrih.

Darren Debono, magħruf bħala “it-Topo,” wieġeb ħati waqt seduta urġenti li ssejħet ilbieraħ filgħaxija.

Is-sentenza ngħatat illum, b'Debono se jkun qed jiskonta għaxar snin u sitt xhur ħabs u anke ġie ordnat iħallas multa ta' €18,000.

Bħala parti mill-patteġġjament li sar, twaqqgħet l-akkuża ta’ attentat ta’ umiċidju, hekk kif tul l-attentat ta’ serqa kienu ġew sparati wkoll xi tiri.

It-Topo wieġeb ħati ftit qabel jibda l-ġuri ta’ Vince Muscat, il-Koħħu, akkużat ukoll li kien parti mill-attentat ta' serqa. Debono għalhekk mistenni li jkun xhud importanti f’dan il-ġuri. 

Muscat kien wieġeb ħati għall-involviment tiegħu bil-qtil ta' Daphne Caruana Galizia u kien ingħata sentenza ta' ħmistax-il sena ħabs filwaqt li ngħata l-Maħfra Presidenzjali fuq il-każ tal-qtil tal-Avukat Carmel Chircop, bil-għan li jikxef dak kollu li jaf.

Ta’ min ifakkar li Vince Muscat kien implika eks politiku Laburista fis-serqa tal-HSBC, iżda qatt ma żvela ismu, filwaqt li d-Deputat Nazzjonalista Jason Azzopardi kien saħansitra implika membru tal-kabinett preżenti f’dan ir-reat. 

Aktar tard kien qal li dan il-politiku mhuwa ħadd ħlief il-Ministru Carmelo Abela, li dak iż-żmien kien uffiċjal tal-bank.

Abela, li kien diġà xehed fil-kumpilazzjoni ta’ evidenza, iżda fi kliemu bħala rappreżentant tal-bank, ċaħad kategorikament dawn l-akkużi u saħansitra fetaħ libell kontra l-istess Azzopardi. 

More in Politika