Il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa f’Malta biex jiddiskuti l-baġit Ewropew

António Costa jżur Malta bħala waqfa fit-“Tour des Capitales” tiegħu biex jiddiskuti d-difiża u l-baġit fit-tul tal-UE

Il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa (lemin) milqugħ f'Kastilja mill-Prim Ministru Robert Abela
Il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa (lemin) milqugħ f'Kastilja mill-Prim Ministru Robert Abela

Il-President tal-Kunsill Ewropew António Costa wasal Malta l-Ħamis filgħodu bħala parti mit-“Tour des Capitales” tiegħu.

Costa żar Kastilja l-Ħamis filgħodu għal laqgħa mal-Prim Ministru Robert Abela u ġie milqugħ minn membri tal-Forzi Armati ta’ Malta, li daqqew kemm l-innu tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-innu Malti.

Costa spezzjona l-Gwardja tal-Unur, u wara daħal ġewwa Kastilja, għal taħdita privata ma’ Abela.

Costa qed jagħmel it-“Tour des Capitales”, sensiela ta’ laqgħat mal-mexxejja tal-UE bejn il-25 ta’ Awwissu u s-17 ta’ Settembru.

L-għan tat-tour huwa li jisma’ direttament mill-Istati Membri dwar il-prijoritajiet tagħhom. Matul iż-żjara tiegħu f’Malta, Costa se jiffoka fuq id-difiża, il-kompetittività, it-tkabbir tal-UE, l-appoġġ għall-Ukrajna, u l-baġit fit-tul li jmiss tal-UE għall-perjodu 2028-2034.

Il-Ħamis stess, Costa se jħalli Malta għal Madrid biex jiltaqa’ mal-Prim Ministru Spanjol Pedro Sánchez, imbagħad iżur Lisbona biex jiltaqa’ mal-Prim Ministru Portugiż Luís Montenegro.

Costa diġa’ ltaqa’ mal-Prim Ministru Pollakk Donald Tusk f’Varsavja u mal-Kanċillier Ġermaniż Friedrich Merz f’Berlin. Fl-ewwel ġimagħtejn tat-tour, Costa żar 13-il pajjiż, fosthom is-Slovakkja, l-Estonja, il-Litwanja, il-Latvja, iċ-Ċekja, il-Lussemburgu, il-Kroazja, l-Ungerija, ir-Rumanija, il-Bulgarija, il-Greċja, Ċipru u s-Slovenja.

More in Politika