'Meta jiġu sparati tiri lejn il-Pulizija ejja fuq il-post biex tkun taf x'jiġifieri' - L-MPU lill-Avukat Ġenerali

L-MPU qalet dan wara li l-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali qablet li titwaqqa' l-akkuża ta' attentat umiċidju li Daren Debono, it-Topo, kien qed ikun akkużat biha bħala parti minn patteġġjament

Il-Malta Police Union ikkritikat id-deċiżjoni tal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali li bħala parti minn patteġġjament qabel li titwaqqa' l-akkuża ta' attentat ta' umiċidju li Daren Debono, it-Topo, kien qed ikun akkużat biha.

Wara 20 sena, Daren Debono wieġeb ħati għall-involviment tiegħu fl-attentat ta' serqa mill-HSBC fl-2010 u li fiha kienu sparati diversi tiri lejn uffiċjali tal-Pulizija li laħqu marru fuq il-post u sfrattaw is-serqa.

Bħala parti minn patteġġjament li sar miegħu, Debono ngħata sentenza ridotta ta' għaxar snin u sitt xhur ħabs hekk kif l-akkuża ta' attentat umiċidju twaqqgħet.

"Dan huwa pass ieħor li qed ikompli jnaqqas il-motivazzjoni fost l-uffiċjali tagħna. Ma hemmx rispett lejn ix-xogħol importanti u perikoluż li l-uffiċjali tagħna jagħmlu kuljum," saħqet l-MPU. "Il-ġustizzja trid issir imma trid tidher li qed issir. F'dan il-każ, is-sistema tal-ġustizzja, kif tmexxiet mill-Avukat Ġenerali, falliet."

Kien hawn li l-MPU stiednet lill-Avukat Ġenerali biex meta jerġgħu jiġu sparati tiri lejn il-Pulizija, hi u membri oħra tal-istaff tagħha, jmorru fuq il-post biex ikunu jafu x'jiġifieri meta jaraw il-mewt quddiem wiċċhom. 

Id-deċiżjoni tal-Avukat Ġenerali kienet ikkritikata wkoll mill-Partit Nazzjonalista u anke mill-organizzazzjoni Repubblika li talbuha tispjega d-deċiżjoni tagħha.

More in Politika