Pospost il-ġuri kontra Vince Muscat u s-serqa tal-HSBC hekk kif il-prosekuzzjoni trid lit-Topo jixhed

Daren Debono, it-Topo, ħabta u sabta wieġeb ħati għall-akkużi wara li sar patteġġjament miegħu u saħansitra twaqqgħet l-akkuża ta' attentat umiċidju

Il-Qorti pposponiet il-ġuri li kellu jibda llum kontra Vince Muscat, magħruf bħala l-Koħħu, akkużat li kien parti mill-attentat ta’ serqa mill-HSBC fl-2010. 

Dan wara li l-prosekuzzjoni talbet li Daren Debono, it-Topo, li lbieraħ ħabta u sabta wieġeb ħati għall-akkużi, ikun inkluż bħala xhud fil-każ.

It-talba li saret mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali waslet fl-aħħar ħin hekk kif illum ingħatat is-sentenza lil Debono. 

Dan hekk kif minflok għadda ġuri, sar patteġġjament ma' Debono fejn fost oħrajn twaqqgħet l-akkuża ta' attentat ta' umiċidju hekk kif waqt is-serqa, li ma rnexxitx, kienu sparati diversi tiri lejn uffiċjali tal-Pulizija.

'L-Avukat Ġenerali għandha obbligu tispjega d-deċiżjonijiet li tkun ħadet'

Intant, il-Partit Nazzjonalista saħaq li l-Avukat Ġenerali għandha l-obbligu li tispjega d-deċiżjoni li tkun ħadet u dan fid-dawl ta’ dawn l-iżviluppi li seħħew fl-aħħar sigħat.

“Fid-dawl ta' dawn l-aħħar żviluppi, il-Partit Nazzjonalista jisħaq li l-Avukat Ġenerali għandha l-obbligu li tagħti rendikont flimkien mal-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa dwar l-eżerċizzju tas-setgħat tagħha fi proċeduri kriminali b'mod partikolari meta dawn ikunu dwar każijiet ta' natura serja u li jolqtu s-sigurtà pubblika. Dan jgħodd aktar u aktar meta persuni f'karigi pubbliċi jkunu ġew mplikati f'dawn il-każijiet,” insista l-PN.

Għalhekk qed tisħaq li l-Avukat Ġenberali għandha minnufih tagħti rendikont u l-ispjegazzjonijiet kollha meħtieġa dwar x'deċiżjonijiet ittieħdu minnha biex twaqqgħu akkużi serji ta' tentattiv ta' omiċidju, fil-patteġġjament li sar ma’ Debonofejn diversi membri tal-Korp tal-Pulizija kellhom ħajjithom imqiegħda f'periklu ċar waqt hold up.

“Il-Partit Nazzjonalista jfakkar li skont il-Kostituzzjoni ta' pajjiżna, l-Avukat Ġenerali tgawdi mill-indipendenza kostituzzjonali u ma hija u ma għandha tkun soġġetta għad-direzzjoni jew kontroll ta' ebda persuna jew awtorità oħra,” insista l-PN.

L-istess talba għamlitha wkoll l-organizzazzjoni Repubblika li saħqet li l-Avukat Ġenerali għandha turi li bid-deċiżjonijiet tagħha mhi qed isservi ebda interessi oħra ħlief l-interessi tal-ġustizzja. 

“Id-deċiżjoni dwar patteġġjament ittieħdet mill-Avukat Ġenerali li użat il-poteri li ttiha l-liġi biex fil-każ ta’ wieħed mill-akkużati flok ġuri, ingħatat sentenza miftiehma,” insistiet l-organizzazzjoni. 

“B’dan il-patteġġjament l-Avukat Ġenerali issagrifikat il-possibiltà tas-sentenza massima kkontemplata fil-liġi għal reat serju ħafna: serqa armata u sparatura fuq il-pulizija li wasslet għall-feriment u li ġabet qrib il-mewt xi ħadd li kien qed iwettaq dmiru,” temmet tgħid l-istqarrija. 

More in Politika