Bernard Grech jirriżenja minn Kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar ir-riżenja tiegħu fuq l-istazzjon tal-partit, in-NET

Bernard Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista
Bernard Grech, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista

Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech ħabbar it-Tlieta nofsinhar li ta r-riżenja tiegħu lis-Segretarju Ġenerali tal-partit. Hu ħa jibqgħa jokkuppa l-kariga sakemm jiġi elett kap ġdid mill-kumitat eżekuttiv.

"Huwa xieraq li jien inħalli din il-kariga lil xi ħadd li jista jkompli jmexxi dan il-partit 'il quddiem, u dan fl-aħjar interess tal-poplu Malti u Għawdxi," qal Grech fuq l-istazzjon televiżiv NET waqt indirizz pubbliku. 

Waqt l-istess indirizz, hu jirrifletti fuq iż-żmien li għamel hu bħala kap. Beda milli qal li hu daħal għal din il-kariga "f'mument xejn feliċi. Partit li kellu ħafna ġrieħi, ġlied intern u li kien għadu ħiereġ minn telfiet elettorali kbar."

Madanakollu, Grech għamel referenza għas-suċċess li kiseb il-partit fl-Elezzjoni Ewroparlamentari tal-2024 fejn id-distakk naqas minn 43,000 vot għal 8,00 vot, "l-iżgħar distakk bejn il-partiti f'dawn l-aħħar 17-il sena."

Il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li wasal żmien li l-partit "jibda kapitlu ieħor." Din il-mossa kienet waħda mistennija, hekk kif kien hemm għajdut fil-midja lokali li Grech kien ħa jirriżenja. Barra minn hekk, kienu ħafna esponenti Nazzjonalisti li esprimew id-diżappunt bit-tmexxija ta' Bernard Grech, inkluż Neville Cassar, membru tal-uffiċju elettorali tal-Partit Nazzjonalista.

Bernard Grech kien diġa' indirriza dawn ix-xnigħat f'kumment li kien ta lill-MaltaToday, il-gazzetta oħt tal-ILLUM, fejn qal li mhux ħa jirriżenja.

Sorsi tagħna qasmu li l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech kien se jħabbar ir-riżenja tiegħu minn Mexxej tal-Oppożizzjoni fuq in-NET it-Tlieta f'nofsinhar.

Skont dawn l-istess sorsi, ir-riżenja hija marbuta ma' sondaġġ maħruġ mill-gazzetta MaltaToday, il-gazzetta oħt tal-ILLUM, li wera sfiduċja kbira fil-Mexxej tal-PN.

Il-mistoqsija fuq fomm kulħadd hija, min ħa jilħaq issa? Il-gazzetta ILLUM ippubblikat artiklu fejn tkellmet fuq kif id-deputat Għawdxi Alex Borg qed jimmira għall-kariga tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista.

More in Politika