Bernard Grech ixejjen ix-xnigħat li se jirriżenja minn kap tal-Oppożizzjoni

F'kumment li ta lil MaltaToday, il-gazzetta oħt tal-gazzetta ILLUM, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech jgħid li se jżomm il-kariga tiegħu, minkejja l-għajdut li beda jdur nhar il-Ġimgħa

Il-Mexxej tal-Oppożizzjoni Bernard Grech
Il-Mexxej tal-Oppożizzjoni Bernard Grech

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ċaħad għalkollox ix-xnigħat li bdew iduru nhar il-Ġimgħa li kien se jirriżenja mill-kariga ta' kap tal-Partit Nazzjonalista.

Grech qal lil MaltaToday, il-gazzetta oħt tal-gazzetta ILLUM, li m’għandu l-ebda intenzjoni li jitlaq, minkejja l-għajdut li beda jdur nhar il-Ġimgħa.

“Dan mhu xejn ħlief fake news. Il-Mexxej tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech, se jkompli bil-ħidma tiegħu bħalma dejjem għamel, u qed iħares ’il quddiem lejn tmiem din il-ġimgħa, meta l-PN se jkun qed jorganizza maratona ta’ ġbir ta’ fondi oħra — avveniment li se jkompli jsaħħaħ lill-partit bħala gvern alternattiv,” qal kelliem tal-partit lil MaltaToday.

Il-kelliem waħħal ukoll fil-Partit Laburista talli qiegħed ixerred dan il-“fake news”.

“Huwa tal-mistħija li l-Partit Laburista qed jivvinta u jxerred dawn ix-xnigħat biex jipprova jaħbi d-diviżjonijiet interni li qed jiffaċċja,” żied jgħid il-kelliem.

More in Politika