F’sondaġġ ippubblikat mill-gazzetta oħt MaltaToday, il-Partit Laburista żied il-vantaġġ tiegħu fuq il-Partit Nazzjonalista minn 24,000 vot f’April għal kważi 39,000 issa, u b’hekk reġa’ kiseb l-istess vantaġġ ta’ voti li kellu fuq il-PN fir-rebħa tal-elezzjoni ġenerali tal-2022. Dan juri li l-ġranet għal Bernard Grech bħala kap huma kwistjoni ta’ meta – u jkun aktar għaqli jekk jiltaq minn kap u l-PN jaħtar kap ġdid li jista’ jmexxih ’il quddiem. U fl-assenza ta’ interess minn Metsola, il-PN se jkun kostrett ifittex nies minn ġewwa.
Il-PL kiseb maġġoranza assoluta ta’ 53.3%, li hija biss 1.8 punti perċentwali inqas mill-punteġġ tiegħu fl-elezzjoni ġenerali tal-2022. Il-PN ukoll qed jikseb 2 punti inqas milli kiseb fl-istess elezzjoni. Min-naħa l-oħra, meta mqabbel mal-elezzjoni ġenerali, il-vot għall-partiti terzi żdied minn 3.2% għal 7%, iżda jibqa’ mifrux bejn Momentum, ADPD u numru ta’ partiti oħra.
Il-vantaġġ ta’ erbatax-il punt tal-PL fuq il-PN qed iseħħ f’kuntest ta’ tnaqqis fin-non-voters fost il-votanti tiegħu tal-2022 u telf akbar fil-kamp PN favur partiti terzi u astensjoni. U waqt li l-PL issa jżomm 87% tal-votanti tiegħu tal-2022, il-PN qed iżomm biss 82%.
L-istħarriġ jissuġġerixxi li l-istrateġija tal-PL biex jiġbed lura lill-votanti tradizzjonali tiegħu ħalliet il-frott, b’telf ta’ voti lejn l-astensjoni li naqsu għal 6.7% minn aktar minn 21.6% f’Settembru 2024.
L-istħarriġ tal-MaltaToday jerġa’ jikkonferma kemm mhux popolari l-Kap tal-PN Bernard Grech, li issa jinsab 31 punt wara Robert Abela – żieda minn 27 punt sentejn ilu.