Il-PN jgħid li ma jistax jinvestiga l-allegazzjonijiet ta' Albert Buttigieg jekk ma jikxifx l-ismijiet

Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, allega li uffiċjal tal-partit wiegħed kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan li se jkunu qed “jagħlqulu” ħalqu

Il-Partit Nazzjonalista qal li ma jistax jinvestiga l-allegazzjonijiet li qed jagħmel il-kandidat Albert Buttigieg jekk ma jsemmix b’ismu lill-uffiċjal tal-Partit li hu qed jakkuża.

Is-Sindku ta’ San Ġiljan, Albert Buttigieg, allega li uffiċjal tal-partit wiegħed kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan li se jkunu qed “jagħlqulu” ħalqu u dan għax fi kliem Buttigieg, kien “xewka” għalih.

Skont Buttigieg, dan l-uffiċjal li hu ma jridx isemmi b’ismu, iltaqa’ mal-iżviluppatur f’lukanda. Il-kandidat ilmenta li fi żmien il-kampanja elettorali huwa ngħata l-ġenb u lanqas ma kien mistieden jitkellem f’konferenzi jew f’dibattiti.

Is-Segretarju Ġenerali tal-PN, Michael Piccinino qal li Buttigieg irid jgħidilhom min hu dan l-uffiċjal li qed jakkuża biex ikunu jistgħu jieħdu passi.

Piccinino qal li tkellem ma’ Buttigieg u talbu jagħti aktar dettalji biex il-PN ikun jista’ jieħu passi.

Fakkar li l-PN għandu stuttura fejn Buttigieg jista’ jmur u jitkellem u jissostanzja l-allegazzjonijiet tiegħu, jiġifieri l-Kummissjoni Etika u Dixxiplina.

Jidher li Piccinino tkellem ma’ Buttigieg meta lbieraħ il-PN irċieva mistoqsijiet mingħand The Times of Malta minħabba l-opinjoni li kiteb l-istess kandidat.

Intant, Buttigieg ma jridx jikkumenta aktar dwar din il-kwistjoni u lanqas mhu jgħid hux lest jidher quddiem din il-Kummissjoni.

L-allegazzjonijiet huma simili għal dawk li għamel l-eks Deputat Jason Azzopardi li allega li l-Kap Bernard Grech attenda laqgħa ma’ għadd ta’ negozjanti u wieħed minnhom qallu li mhux se jagħti donazzjonijiet lill-PN sakemm Azzopardi jkun għadu jimmilta fih.

Azzopardi allega wkoll li waqt l-istess laqgħa kien hemm preżenti qraba ta’ Yorgen Fenech.

Il-Kap Nazzjonalista ċaħad dan kategorikament. Grech insista li Azzopardi qatt ma tkellem miegħu dwar dawn l-allegazzjonijiet u t-tħassib li seta’ kellu. 

More in Politika