Jason Azzopardi jwieġeb lil Grech ... jgħid li fl-2021 il-PN kien se jaċċetta donazzjoni biex xi ħadd jingħata proklama

L-eks Deputat Nazzjonalista jgħid li hi ironika kif Grech sejjaħlu skadut meta ma jafx kemm baqgħalu fil-partit

Jason Azzopardi reġa' fetħilha fuq il-midja soċjali b'risposti lejn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech filwaqt jidher li qed jibda’ jikxef il-kallijiet.

L-istorja bdiet meta dalgħodu fuq l-istazzjon tar-radju tal-Knisja Grech qal illi “kulħadd għandu data tal-iskadenza.” Huwa għamel dal-kumment b’referenza għal Jason Azzopardi li ma kienx elett, kemm mir-raba’ u anke mid-disa’ distrett.

Kien hawn fejn Azzopardi dar fuq il-midja soċjali u beda' billi kiteb dwar kemm, skont hu, iħoss li hi ironika illi persuna li ma jafx kemm se jdum fil-partit qed jitkellem fuq id-data tal-iskadenza ta’ ħaddieħor. 

Għaddew madwar 30 minuta u Azzopardi reġa’ kiteb fuq il-paġna ta' Facebook personali tiegħu, viżibbilment urtat. Din id-darba implika li huwa stess kien li waqqaf milli issir donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista bil-ħsieb li xi ħadd jakkwista maħfra presidenzjali għal xi qarib. Hu jgħid li din id-donazzjoni kienet se ssir fl-2021 meta Grech kien diġà Kap tal-partit, iżda ma speċifikax għal min kien qiegħed jirreferi.

Din mhux tal-ewwel u probbabli mhux tal-aħħar...

Ftit jiem ilu Azzopardi kien tkellem ukoll wara li l-PN ikkwota rapport tal-eks PM Laburista Joseph Muscat dwar l-ekonomija u saħaq li l-uniku triq li fadallu l-Gvern huwa s-self. Azzopardi sejjaħ din il-mossa bħala “ġennata.”

"Meta biex tagħmel punt politiku taqa’ biex tagħmel il-ġennata li tikkwota lil min gie iddikjarat l-iktar politiku korrott fid-dinja, wasal iż-żmien li tagħmel eżami profond ta' għaliex int fil-politika," sostna Azzopardi li huwa wieħed mill-eqqel kritiċi ta' Muscat u tal-Partit Laburista u li sa qabel l-elezzjoni kien l-aktar persuna li tkellem dwar il-każ relatat ma' Christian Borg. 

Azzopardi iżda kompla b'botta ċara lejn Bernard Grech u t-tmexxija kurrenti tal-PN u sostna illi filwaqt li l-PN qed juża lil Joseph Muscat u l-argumenti tiegħu "bħala forċina", fl-istess ħin insista li qed jiċħad u jarmi lil "min kien onest sempliċiment għax ħadem ma’ Lawrence Gonzi."

"Alla vera refgħani minn xagħari, anke jekk m’għandix," temm jgħid Azzopardi.

L-iskandlu tad-DB...

Din mhux l-ewwel darba li l-Partit Nazzjonalista kellu akkużi simili. Fl-2017 żviluppaturi tal-proġett ta’ €300 miljun fejn kien hemm is-sit tal-ITS żvelaw li kienu qegħdin iħallsu l-paga ta’ membri għolja fl-eżekuttiv tal-PN.

DB Group kienu qalu li kienu jagħtu donazzjonijiet ta’ ammonti kbar minn qabel ma’ Simon Busuttil laħaq Kap tal-PN. Spjegaw ukoll li meta Busuttil kien sar Kap kienu ġew mitluba jkopru s-salarji kemm tas-Segretarju Ġenerali - dak iż-żmien Rosette Thake - kif ukoll tas-CEO tal-partit - dak iż-żmien Brian St John.

F’maratona ġbir ta’ fondi, Simon Busuttil kien iddeskriva dawn l-allegazzjonijiet bħala theddid.

Bħala risposta, DB Group ippubblika l-invoices li kienu mmarkati bid-data tal-2016. Dawn l-invoices kienu jammontaw għal €70,800, eżattament daqs is-somma mitluba biex minnhom joħorgu l-pagi tas-Segretarju Ġenerali u tas-CEO.

Snin wara, propju sitt t’ijiem ilu, l-eks Kap tas-Segretarjat ta’ Bernard Grech, Ray Bezzina, ingħaqad mad-DB Group bħala direttur fi ħdan l-uffiċċju tas-CEO. Huwa rriżenja flimkien ma’ Christian Peregin ftit wara t-telfa elettorali qawwija tal-partit. Mhux talli Bezzina kien l-id leminija ta’ Grech, anzi kien wieħed mill-aktar figuri influwenti fi ħdan il-Partit Nazzjonalista. 

More in Politika