'Qatt ma ddiskutejt proklama ta’ ħadd, ma’ ħadd' - Bernard Grech dwar l-allegazzjonijiet ta' Azzopardi

Grech jisħaq li Jason Azzopardi qatt ma tkellem miegħu dwar dawn l-allegazzjonijiet jew xi tħassib li seta' kellu u insista li kemm ilu Kap hu ħadd mill-familja ta' Fenech ma ta donazzjoni lill-PN

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Bernard Grech ċaħad bl-aktar mod kategoriku li xi darba jew oħra ddiskuta l-maħfra presidenzjali għal Yorgen Fenech ma' xi qraba tal-istess akkużat.

F’kummenti lill-midja, quddiem il-Kamra tal-Kummerċ, il-Kap Nazzjonalista insista u saħaq hekk: “qatt ma ddiskutejt proklama ta’ ħadd, ma’ ħadd.”

Grech saħaq li ċ-ċaħda hija assoluta u saħaq ukoll li Jason Azzopardi qatt ma qajjem dan it-tħassib dwar dawn l-allegazzjonijiet miegħu.

Jason Azzopardi qal li Grech kien iltaqa’ ma’ żewġt iqraba ta’ Yorgen Fenech meta kienu tqajmet il-kwistjoni dwar il-maħfra presidenzjali. 

Skont Azzopardi, f’din il-laqgħa, allegatament, kienu diskussi wkoll donazzjonijiet lill-Partit Nazzjonalista.

Madanakollu Bernard Grech saħaq li kemm ilu Kap hu, l-ebda membru tal-familja ta’ Yorgen Fenech ma ta donazzjoni lill-Partit Nazzjonalista.

Azzopardi rriżenja mill-Partit Nazzjonalista wara li falla milli jerġa’ jiġi elett fl-elezzjoni ġenerali iżda qabel għamel dan, fuq Facebook fetaħ il-kanuni fuq Grech.

More in Politika