'Uffiċjal tal-PN wiegħed żviluppatur kbir li se jagħlquli ħalqi' - Albert Buttigieg

Is-Sindku ta' San Ġiljan jgħid li fil-kampanja elettorali ngħata l-ġenb u qatt ma ġie mitlub jindirizza konferenza tal-aħbarijiet jew jieħu sehem f'dibattitu jew attività tal-PN

Il-kandidat tal-Partit Nazzjonalista, Albert Buttigieg, allega li uffiċjal tal-partit wiegħed kuntrattur ewlieni b’interess kbir f’San Ġiljan li se jkunu qed “jagħlqulu” ħalqu u dan għax fi kliem Buttigieg, kien “xewka” għalih.

Buttigieg, li huwa s-Sindku ta’ San Ġiljan jitkellem ħafna anke mal-gazzetta ILLUM kontra l-kostruzzjoni bla rażan li għaddejja f’San Ġiljan, fost oħrajn.

Huwa kiteb fuq The Times of Malta u allega li uffiċjal tal-Partit Nazzjonalista, ltaqa’ ma’ dan il-kuntrattur f’lukanda f’San Ġiljan. Buttigieg mhux jgħid min hu dan l-uffiċjal anke biex ma jikxifx is-sors li tah din l-informazzjoni. 

Buttigieg kien kandidat tal-PN fuq id-disa’ u l-għaxar distrett. Mal-gazzetta huwa qal li fi żmien il-kampanja elettorali huwa ngħata l-ġenb mill-Partit.

Skont Buttigieg, il-laqgħa bejn l-uffiċjal tal-PN u dan il-kuntrattur seħħet f’lukanda fil-bidu tas-sena.

“Għalih (għall-kuntrattur) jiena kont xewka,” insista. “L-uffiċjal tal-Partit wiegħdu u assigurah biex iħalli kollox f’idejh,” qal Buttigieg.

Is-Sindku staqsa jekk dan l-uffiċjal tal-Partit attendix din il-laqgħa fuq inizjattiva tiegħu stess jew inkella kienx mibgħut mill-PN stess.

“Il-Kap tal-Partit u l-amministrazzjoni kienu konxji ta’ din il-laqgħa u taw l-approvazzjoni tagħhom?”, kompla jistaqsi Buttigieg.

Huwa qal li ddeċieda li jikteb dwar dan biex iwissi dwar kif il-klassi politika f’Malta hija kkontrollata minn dawk li jfittxu biss l-interessi tagħhom.

Ikkritika wkoll il-fatt li fi żmien il-kampanja huwa qatt ma ntalab jindirizza konferenza tal-partit jew inkella jieħu sehem f’xi dibattitu jew attività.

Fil-fatt, Buttigieg qal li hu offra r-riżenja tiegħu darbtejn imma din qatt ma ġiet aċċettata

More in Politika