Dun David Muscat mistenni jitressaq il-Qorti u jkun akkużat li instiga l-mibegħda bi kliemu

Dun David Muscat qal illi li persuna tkun gay hija agħar milli tkun imxajtna, liema kummenti ġew ikkritikati wkoll mill-Arċisqof li wissih formalment li lest ma jħallihx jeżerċita l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku jekk ma jbiddilx l-atteġġjament tiegħu

Il-Pulizija mistennija tressaq il-Qorti lil Dun David Muscat u takkużah bi kliem ta’ mibegħda wara kliem dispreġġattiv li għamel fuq persuni gay, fejn saħansitra qal illi li persuna tkun gay hija agħar milli tkun imxajtna

Il-Ministru għall-Inklużjoni Soċjali Julia Farrugia Portelli, il-Kunsill Konsultattiv għad-Drittijiet ta’ Persuni Gay u l-Gay Rights Movement, kollha kemm huma ressqu rapport formali kontra s-saċerdot wara l-kummenti tiegħu. Il-Ministru għall-Ugwaljanza Owen Bonnici u diversi għaqdiet oħra wkoll ikkundannaw dan il-kliem.

Skont is-sit maltatoday.com.mt, Muscat mistenni jitressaq il-Qorti lejn l-aħħar ta’ Jannar.

Il-qassis, li mhux l-ewwel darba li tkellem b'mod dispreġattiv kontra persuni LGBTIQ kien qed jirreferi għal ritratt ta' Abner Aquilina, is-suspettat bil-qtil makabru ta' Paulina Dembska fit-2 ta' Jannar li għadda. 

Aquilina jidher liebes flokk bi trijanglu u l-kuluri tal-qawsalla fih u kien għalhekk li Dun David għamel il-konnessjoni tal-bandiera li tintuża mill-komunità LGBTIQ. Fuq Facebook huwa kiteb ċar u tond li "l-gayyaġni" huwa agħar milli li persuna tkun imxajtna.

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jħossu xxukkjat bil-kummenti ta' Dun David Muscat. Filfatt huwa ordna lil Dun David Muscat biex ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċità l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku.

Dun David Muscat huwa wkoll viċin ħafna ta' Imperium Ewropa, il-partit ta' Normann Lowell li mhux l-ewwel darba lanqas li tkellem b'mod dispreġattiv fuq in-nisa, persuni b'diżabilità u anke persuni ta' kulur differenti.

More in Politika