Farrugia Portelli tiġbed l-attenzjoni tal-Kummissarju tal-Pulizija dwar kummenti ta' mibgħeda minn Fr David

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli tfakkar lill-Kummissarju Angelo Gafa' biex jaċċerta li kulħadd josserva l-liġijiet, inkluż dawk kontra t-tixrid tal-mibgħeda

Il-Ministru Julia Farrugia Portelli
Il-Ministru Julia Farrugia Portelli

Il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli bagħtet email lill-Kummissarju tal-Pulizija tard illejla fid-dawl tal-kummenti omofobiċi u l-attakk - mill-ġdid - fil-miftuħ u bla preċedent ta' Fr David Muscat kontra persuni LGBTIQ. Waqt li kien qed iwieġeb kumment ta' persuna li bdiet tikkritikah huwa qal li jekk l-akkużat bil-qtil ta' Paulina Demska jirriżulta li huwa omosesswali jew inkella bisesswali, dan ikun "agħar" mill-implikazzjoni f'rapporti fuq il-midja li huwa pposedut mix-xitan. Huwa sejjaħ l-omosesswalità "gayyiżmu" u qal li din hija kundizzjoni. 

Kien is-sit illum.com.mt kien l-ewwel li rapporta dwar dan il-kumment omofobiku, propju fi żmien fejn qed ikun ikkritikat it-tixrid tal-mibgħeda online wara qtil ta' mara innoċenti, allegatament minn persuna bi storja ta' fastidju onlajn. 

Il-Ministru Farrugia Portelli talbet lill-Kummissarju Angelo Gafa' biex jaċċerta li kuħadd isegwi l-liġijiet kontra t-tixrid tal-mibgħeda. 

Dawn il-kummenti omofobiċi ġabu reazzjoni qawwija ħafna minn diversi, fosthom l-MGRM u anke l-MEP Josianne Cutajar kif ukoll id-Deputat Nazzjonalista Claudette Buttigieg. Il-Kurja iżda, sakemm ġie ppubblikat dan l-artiklu, għadha fis-silenzju. 

More in Politika