Aġġornat | 'Jew tieqaf tinsulenta jew titwaqqaf mis-saċerdozju fil-pubbliku'

L-Arċisqof jisħaq li dan mhuwiex kliem ta' mħabba u talab maħfra lill-persuni gays u l-familji tagħhom li jħossuhom imweġġa' wara dawn il-kummenti

L-Arċisqof Charles Scicluna qal li jħossu xxukkjat bil-kummenti ta' Dun David Muscat li lbieraħ qal illi li wieħed ikun gay jew LGBTIQ huwa agħar minn possessjoni bix-xitan.

Filfatt huwa ordna biex fil-fora pubbliċi Dun David Muscat ma jibqax jagħmel kummenti li jinsulentaw u jweġġgħu, inkella jitwaqqaf milli jeżerċità l-ministeru saċerdotali fil-pubbliku. L-Arċisqof qal lil Dun David Muscat biex ineħħi post fuq Facebook, fejn is-saċerdot sostna li tkun gay huwa agħar milli tkun ippossedut  u biex ma jużax lingwaġġ insulenti jew li jweġġa’ kontra kwalunkwe grupp jew individwu. L-Arċisqof fakkar ukoll lil Dun David Muscat li skont it-tagħlim Kattoliku membri tal-kleru huma mitluba juru rispett, kompassjoni u sensittività lejn kull persuna f’kull qasam tal-ħajja.

Waqt l-omelija tiegħu, fil-quddiesa li tixxandar kuljum fuq l-istazzjon nazzjonali, l-Arċisqof insista li dan mhuwiex kliem ta' mħabba imma "ġebel mitfugħ minn qalb li għandha bżonn titgħallem tħobb iżjed u kif iħobb Ġesù."

Kien propju hawn li l-Arċisqof talab maħfra lill-persuni gay u persuni oħra, fosthom il-ġenituri tagħhom li ħassewhom imweġġa' wara dawn il-kummenti filwaqt li saħaq li se jkun qed jieħu passi biex kummenti bħal dawn ma jerġgħux isiru.

"Min jgħid li jħobb lil Alla, jekk jobgħod lil ħuh, dan ikun qiegħed jigdeb. Tobgħod anke meta tnaqqas il-gieħ ta' xi ħadd," insista l-Arċisqof. "Alla jħobbok int min int, int kif int, int magħġun kif int magħġub."

Dwar il-kummenti ta' Dun David, il-Ministru għall-Inklużjoni Julia Farrugia Portelli bagħtet email lill-Kummissarju tal-Pulizija bil-għan li jieħu passi kontra dak li ddeskrivietu bħala "kliem ta' mibiegħda."

More in Politika