Il-Korp tal-Pulizija jindika li Dun Muscat qed jiġi investigat fuq tixrid ta' mibgħeda

Dun David Muscat mistenni jiffaċċja wkoll proċeduri kontrih mill-Kurja tal-Arċisqof...

Dun David Muscat
Dun David Muscat

Il-Pulizija indikat li qed tinvestiga l-aġir ta' Dun David Muscat - li lbieraħ reġa' fetaħ attakk sħiħ fuq persuni LGBTIQ u qal li l-omossesswalità hija agħar milli tkun ipposedut mix-xitan. Muscat - attivist tal-Partit tal-Lemin estrem Imperium Europa u li ta' sikwit jinfexx f'tgħajjir u insulti kontra persuni omosesswali, immigranti u minoranzi oħrajn - ilbieraħ fetaħ dan l-attakk wara ritratt li fih jidher Abner Aquilina bi flok bi trijangolu kkulurit. 

"Il-Korp tal-Pulizija jinvestiga l-allegazzjonijiet kollha ta’ natura kriminali li jiġu għall-attenzjoni tiegħu," sostna l-Korp f'risposta għal-mistoqsijiet ta' dan is-sit. 

Għal dan Muscat qal illi jekk, apparti kollox, Aquilina huwa omosesswali jew bisesswali dan jagħmel "il-kundizzjoni" tiegħu agħar milli kieku huwa verament "mxajtan." Huwa fil-fatt qal illi li tkun LGBTIQ hija "agħar" milli tkun imxajtan!

Dan il-kumment qajjem reazzjoni qawwija minn diversi politiċi fosthom l-MEP Josianne Cutajar, id-Deputat Rosianne Cutajar, id-Deputat Claudette Buttigieg u anke l-Ministru Julia Farrugia Portelli, li saħansitra kitbet lill-Kummissarju tal-Pulizija biex tfakkru li l-lingwaġġ ta' Muscat jammonta għal reat ta' tixrid ta' mibgħeda. 

Ir-reazzjoni tal-pubbliku wkoll kienet qawwija ħafna fil-konfront ta' Muscat b'mijiet ta' kummenti fuq il-midja soċjali jitolbu għat-tneħħija tiegħu mis-saċerdozju. 

Iktar minn hekk dalgħodu l-Arċisqof Charles J Scicluna esprima xokk għal dawn il-kummenti, offra apoloġija għal persuni LGBTIQ u l-familji tagħhom, filwaqt li sostna li se jkun qed jieħu passi fil-konfront ta' Muscat. 

More in Politika